Il-Manager tal-HR fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) lil impjegata li hi wkoll kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid
Impjegata fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) li dejjem qdiet id-doveri tagħha bl-akbar responsabbiltà u li dejjem kienet ta’ eżempju tajjeb fix-xogħol tagħha, fil-ġimgħat li għaddew sfat il-mira ta’ superjuri tagħha li kontinwament qed jeżerċitaw ‘bullying’ fil-konfront tagħha.
Dan sal-punt li reċentement din l-impjegata – Rita Delezio minn Raħal Ġdid u li ilha impjegata mal-ETC għal dawn l-aħħar 26 sena – sabet lil Chris Micallef, il-Manager tal-HR tal-Korporazzjoni, jgħidilha li “hu jippreferiha wiċċha mal-ħajt u ma tagħmel xejn waqt il-qadi tal-ġurnata tax-xogħol tagħha.”
Hu żied jgħidilha li għandu ordnijiet u struzzjonijiet ċari minn ta’ fuqu, jiġifieri minn Philip Rizzo, iċ-Chief Executive Officer tal-ETC, biex lilha ma jagħtuha ebda xogħol x’tagħmel.
Saħansitra anki l-computer li tuża fil-qadi tad-doveri tagħha tneħħew minnu l-faċilitajiet kollha soltu użati mill-impjegati fiċ-Ċivil.
Fil-jiem li għaddew Rita Delezio tkellmet ma’ MaltaRightNow.com u fissret li minn ftit tal-ġimgħat ’l hawn hi esperjenzat numru ta’ transfers vendikattivi. Oriġinarjament hi kienet taqdi d-doveri tagħha fil-Front Office tal-ETC f’Ħal Far fejn kienet tiltaqa’ u taqdi lil ħafna nies li kienu jirrikorru għand l-ETC hemmhekk.
Ġara, iżda, li mbagħad hi ngħatat transfers għall-Uffiċċju li l-ETC għandha fi Triq Melita fil-Belt Valletta fejn ix-xogħol tagħha kien li tirreġistra lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol.
Hawnhekk ma tantx damet sakemm dabbret transfer vendikattiv ieħor, din id-darba għall-Imħażen tal-ETC f’Ħal Far fejn ix-xogħol akkreditat lilha kien li tieħu ħsieb l-istationary… xogħol kompletament ġdid għaliha. Dan apparti l-fatt li hi hi persuna li ma tistax tqandel minħabba operazzjoni maġġuri li għamlet ftit taż-żmien ilu.
Rita Delezio ppruvat tieħu sodisfazzjon mingħand is-superjuri tagħha dwar din l-imġiba skorretta fir-rigward tagħha, iżda s-CEO baqa’ kontinwament jirrifjuta li jkellimha bl-iskuża li għandu ħafna x’jagħmel.
Hi temmet tgħid lil MaltaRightNow.com li bla dubju ta’ xejn li dan hu atteġġjament ta’ vendikazzjoni fil-konfront tagħha sempliċement għaliex jafu li hi Nazzjonalista.
“Erġajna morna lura għal żmien is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet meta l-vendikazzjonijiet fil-post tax-xogħol kienu r-rutina ta’ kuljum. Imbasta għandna Gvern li jiftaħar li hu ‘tagħna lkoll’, meta dan mhux minnu,” qaltilna Rita Delezio.
Dritt għal risposta :
Fi dritt għal risposta, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol i t-Taħriġ ċaħad l-allegazzjonijiet f’dan ir-rapport. Ċaħad li Rita Delezio dejjem kienet ta’ eżempju tajjeb fix-xogħol tagħha, ċaħad li ordna li Rita Delezio ‘ma jagħtuhaebda xogħol x’tagħmel’, ċaħad li Rita Delezio ingħatat ‘transfers vendikattivi’ u ċaħad li l-Inġinier Chris Micallef qal lil Rita Delezio l-kliem imsemmiha fl-artiklu.
//= $special ?>