Iktar kmieni llum kien organizzat eżerċizzju fuq skala internazzjonali bl-għan li tiġi identifikata persuna li allegatament kellha marda infettiva, u li kienet qed tivvjaġġa lejn Malta.
L-eżerċizzju kien organizzat mid-Dipartiment tas-Saħħa bħala parti minn eżami tal-mod kif pajjiżna jinsab preparat għal eventwalitajiet bħal dawn. Kien jinvolvi rapport li persuna, mara, kienet abbord titjira lejn Malta, u li kienet qed tbati minn marda infettiva li kien se jkollha konsegwenzi devastanti fuq Malta.
L-eżerċizzju kien maħsub b’mod u manjiera li jwassal biex l-ekwipaġġ tat-titjira jitolbu l-għajnuna tal-awtoritajiet. L-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien mal-linja tal-ajru, talbet l-assistenza tal-Awtorita’ tas-Saħħa fil-Port u tal-uffiċjali mil-qasam tas-Saħħa Pubblika.
Dan wassal biex titnieda proċedura, maħsuba minn qabel, mid-Dipartiment tas-Saħħa, li nvolviet ukoll id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei.
Total ta’ iktar minn 50 persuna, minn għaqdiet u entitajiet differenti, ħadu sehem f’dan l-eżerċizzju, li fi kliem il-Gvern, kien okkażjoni biex pajjiżna jikkonsolida l-kollaborazzjoni fil-każ ta’ eventwalitajiet bħal dawn.
//= $special ?>