Ikomplu l-abbużi serji f’Għawdex… Aktar xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern
Is-sit MaltaRightNow.com illum jista’ jiżvela aktar abbużi mill-aktar serji ta’ xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern li saru matul ix-xhur li għaddew.
Filfatt nistgħu niżvelaw kif żewġ persuni xtraw proprjetà fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex, u wara għamlu talba għall-permess tal-MEPA biex f’din il-proprjetà privata jiżviluppaw żewġ veranda.
Il-MEPA pproċessat din it-talba u ħarġet il-permess biex f’din id-dar mixtrija minn żewġ persuni jkunu żviluppati dawn iż-żewġ veranda.
Madankollu minflok ma sar hekk, kienu żviluppati żewġ garaxxijiet li fihom ikunu pparkjati l-karozzi. Dan mhux skont il-permessi maħruġa mill-MEPA.
Agħar minn hekk, dan is-sit jista’ jiżvela wkoll kif f’ammont ta’ xogħlijiet li saru fuq dan is-sit – li biex setgħu jkunu żviluppati l-garaxxijiet kellha titwaqqa’ l-faċċata tal-binja – kienu involuti wkoll ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex.
Apparti minn hekk, is-sidien ta’ din il-proprjetà, biex ikunu akkomodati mill-koxxa nqalgħet parti mill-bankina ta’ Triq San Duminku u minflok saret rampa.
Fil-post ta’ spiss kien jidher ukoll Philip Vella li hu s-Sindku f’Ta’ Sannat u uffiċjal fil-Ministeru għal Għawdex.
Bla dubju dan il-każ frisk ieħor ta’ abbuż f’Għawdex fejn ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jaħdmu fi proprjetajiet privati jkompli jkabbar il-lista ta’ abbużi sfaċċati f’Għawdex fl-aħħar sentejn.
Dan is-sit fil-jiem li għaddew diġà żvela għadd ta’ abbużi oħra, fosthom:
- Marsalforn: Xogħlijiet b’rabta ma’ restorant.
- F’Tas-Sanap fil-Munxar: Xogħlijiet b’rabta’ ma’ trinka għal servizzi lil razzett tal-baqar.
- F’Ta’ Kerċem: Xogħlijiet fi proprjetà privata fi Triq il-Ħorġ.
- Fix-Xagħra: Xogħlijiet ta’ tikħil f’dar privata.
- F’Wied il-Għexien fix-Xagħra: Xogħlijiet ta’ passaġġi fir-raba’.
- Bejn Ta’ Dbiegi u San Lawrenz: Xogħlijiet fuq numru ta’ garaxxijiet privati.
- Fl-Għasri: Xogħlijiet f’għelieqi privati.