Lokali

39 inċident fatali fuq il-post tax-xogħol bejn l-2007 u l-2014

Fit-tmien snin bejn l-2007 u l-2014, kien hemm 39 inċident fatali fuq il-post tax-xogħol.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li l-inċidenti kollha li seħħew f’dan iż-żmien, kienu jinvolvu rġiel, l-iktar bejn l-età ta’ 35 u 54 sena. Tnejn minn kull tliet inċidenti fatali seħħew fost ħaddiema full-time.

Il-maġġoranza tal-inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol seħħew fl-inħawi tal-Port il-Kbir, segwiti mill-inħawi tax-Xlokk ta’ Malta, u fit-tielet post, fit-Tramuntana ta’ Malta.

L-NSO spjega wkoll li l-maġġoranza tal-vittmi kienu jaħdmu f’intrapriżi ta’ bejn impjegat wieħed u disa’ impjegati jew kienu jaħdmu għal rashom mingħajr ħaddiema. Il-kumpaniji l-kbar, li jħaddmu iktar minn 250 ħaddiem, kellhom l-inqas inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol.

Mill-istatistika joħroġ ukoll li kważi nofs l-inċidenti fatali seħħew wara inċident fir-ras, waqt li kawżi oħra ta’ mwiet kienu meta l-inċident affettwa l-qafas tas-sider jew l-organi.

Kważi nofs l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol bejn l-2007 u l-2014 kienu jinvolvu ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Vittmi oħra kellhom impjieg tal-id jew tas-sengħa.