Lokali

Aġġornata bil-filmat : Tinqatel tajra protetta fil-Manikata

Il-Pulizija irnexxielha tieħu fil-pussess tagħha Daqquqa Kaħla li aktar kmieni dalgħodu inqatlet minn kaċċatur fl-inħawi tal-Manikata. Ftit tal-jiem ilu, l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li “dan hu l-aħħar ċans” għall-kaċċaturi, filwaqt li enfasizza li l-illegalitajiet mhux se jkunu tollerati.

Jidher li l-kaċċatur li spara u qatel din it-tajra protetta, għal xi ħin prova jaħbi t-tajra. Madanakollu, l-Pulizija rnexxielha ssibha bil-għajnuna ta’ xi persuni li kienu raw lill-kaċċatur joqtol u jaħbi t-tajra protetta.

Dan l-inċident seħħ dalgħodu, fit-tieni jum tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, wara li l-kamp tal-IVA għall-kaċċa fir-rebbiegħa rebaħ ir-referendum b’2,200 vot. Wieħed mill-argumenti tal-kamp tal-LE kien li mingħajr kaċċa fir-rebbiegħa, it-tajr protett ikun aktar sigur.

Intant, l-espert tan-natura Bill Oddie mil-‘League Against Cruel Sports’ fi stqarrija ħeġġeġġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jissosspendi l-kaċċa fir-rebbiegħa wara dan l-inċident. Hu qal li ftit jiem biss wara li l-poplu Malti vvota sabiex iżomm “il-massakkru annwali tal-għasafar”, il-Prim Ministru Muscat kien wissa li l-kaċċaturi għandhom jirrispettaw il-liġi.

Min-naħa tiegħu, Joe Duckwort, il-Kap Eżekuttiv tal-‘League Against Cruel Sports’ qal li jiem wara li l-kaċċaturi ingħataw ċans ieħor, issa għandna konferma li l-kaċċaturi ma jistgħux ikunu fdati. Għaldaqstant, il-Prim Ministru Muscat għandu jżomm il-wegħda tiegħu u jieħu azzjoni billi jissospendi l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Sadanittant, fis-sigħat li ġejjin, il-Pulizija mistennija tressaq lill-kaċċatur il-Qorti. Il-Pulizija qed issostni li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ. Min-naħa tagħha, l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu kkundannat bil-qawwa kwalunkwe inċident ta’ dan it-tip u l-persuna involuta għandha tingħata l-pieni adegwati għall-illegalità li wettqet.

(Ritratt: mill-Arkivji)