Lokali

Ajruplan tal-Air Malta jfur bl-imħabba

Ajruplan tal-Air Malta far bl-imħabba lbieraħ meta wara ċerimonja ta’ żwieġ ċivili fl-ajruport, għamel titjira romantika b’rotta f’għamla ta’ qalb fuq il-gżejjer Maltin.

Għall-kaptan tal-Air Malta Charles Borg Giuliano, l-esperjenza tal-bieraħ filgħaxija kienet il-ħolma ta’ ħajtu hekk kif iżżewweġ lill-maħbuba tiegħu, u membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, Julia Lynne Saliba. Il-koppja se tiżżewweġ bil-Knisja fi tmiem il-ġimgħa li ġej.

L-Air Malta għamlet titjira apposta, KM14JC, għall-koppja friska, il-qraba u l-ħbieb tagħhom wara li t-titjira nkriet u tħallset mill-koppja.

L-Air Malta qalet li d-dilettanti tal-avjazzjoni madwar id-dinja tħawdu meta, fuq is-sit ta’ traċċar tat-traffiku tal-ajru, Flightradar24.com, raw it-titjira tal-Air Malta tifforma żewġt iqlub kbar fuq il-gżejjer Maltin u laqqmuha “It-Titjira tal-Imħabba”.

Spjegat ukoll li l-kaptan Borg kien ippropona lil dik li llum hi martu, fl-14 ta’ Frar tas-sena l-oħra. Dakinhar, fuq titjira oħra tal-“Ajruplan tal-Imħabba” tal-Air Malta fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu, kien talab lill-għarusa tiegħu u membru tal-ekwipaġġ biex tidħol fil-kabina tal-pilota fejn kien ipproponielha tiżżewġu.

Dakinhar hu kien ippjana r-rotta madwar Sqallija u l-Etna bir-reqqa biex joħloq rotta f’għamla perfetta ta’ qalb.

L-Air Malta ferħet liż-żewġ membri tal-istaff tagħha għall-inizjattiva straordinarja u awguratilhom kuntentizza fil-ħajja miżżewġa tagħha. Spjegat li l-koppja friska ngħaqdet ma’ 25 koppja oħra miżżewġa li fiha ż-żewġ partijiet huma ħaddiema tal-Air Malta.

IMG_8904

Il-linja nazzjonali tal-ajru spjegat li ajruplani jistgħu jinkrew mingħandha għal esperjenzi simili billi wieħed jikkuntattjaha fuq l-indirizz tal-email charters@airmalta.com.