Lokali

Filmat: Qtil ta’ tajra protetta: il-kaċċatur ġie sospiż mill-FKNK “immedjatament”

Tlett snin u nofs oħra jista’ jappella biex isir membru mill-ġdid tal-FKNK

Il-kaċċatur li llum instab ħati mill-Qorti li spara u qatel tajra protetta, ma tħalliex jibqa’ membru tal-FKNK u ġie sospiż mill-Federazzjoni immedjatament wara li seħħ l-inċident.

Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione qal dan waqt li kien qed jitkellem fuq il-programm Newsfeed fuq NET Television.

Perici Calascione kien qed jitkellem b’rabta mal-każ li seħħ aktar kmieni dalgħodu li fih il-kaċċatur Stefan Micallef qatel Daqquqa Kaħla.

Filmat: Tinqatel tajra protetta fil-Manikata

Hu qal li malli sar jaf bl-inċident, talab li jingħata l-informazzjoni dwar il-kaċċatur responsabbli u dan ġie sospiż b’effett immedjatament. Il-kaċċatur in-kwistjoni jista’ jerġa’ jappella u jiġi aċċettat bħala membru tal-FKNK wara li jgħaddu t-tlett snin u nofs ta’ sentenza mill-Qorti

Hu nqabad mill-Pulizija u tressaq il-Qorti fejn ġie mmultat €2,500 filwaqt li ġiet ikkonfiskata l-arma tan-nar tiegħu kif ukoll sospensjoni tal-liċenzja għal tlett snin u nofs.

Waqt il-programm Newsfeed, il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione qal li l-FKNK mhux se tittollera l-ebda membru tagħha li jikser il-liġi, filwaqt li saħaq li jekk xi kaċċatur jikser il-liġi jkun qed juri diżrispett lejn il-poplu Malti.

Hu appella biex kull każ ta’ illegalità jkun rappurtat fuq in-numru 119.