Lokali

Fondazzjoni Maltija tħeġġeġ lill-UE biex tipprovdi aċċess sigur għall-immigranti lejn l-Ewropa

Il-fondazzjoni Maltija aditus ħeġġet lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi membri biex jevitaw traġedji bħal tal-aħħar jum, fejn mietu 400 immigrant, u jipprovdu aċċess legali u sigur lejn l-Ewropa.

Fi stqarrija, aditus fakkret lil Malta u lill-Italja li huma responsabli biex isalvaw il-ħajjiet u biex joffru aċċess għal ażil u kundizzjonijiet dinjitużi meta immigranti jaslu fil-pajjiż.

Il-fondazzjoni esprimiet in-niket tagħha għat-traġedja li seħħet waqt li rringrazzjat lil dawk kollha involuti fl-operazzjonijiet diffiċli ta’ tiftix u salvataġġ.

Qalet li hu faċli li Malta tqis li l-problema tal-immigrazzjoni ċkienet minħabba li fl-aħħar sena naqas in-numru ta’ immigranti li waslu fil-pajjiż, imma nsistiet li t-traġedji marbuta ma’ dawn it-tip ta’ vjaġġi mhumiex xi ħaġa tal-passat u jeħtieġu l-attenzjoni individwali u kollettiva. Għalhekk insistiet li Malta wkoll jibqa’ jkollha l-obbligi legali u morali tagħha.

Appellat ukoll biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex traġedji bħal dawn jiġu evitati u biex il-Mediterran ma jakkumola katavri ta’ dawk li b’disperazzjoni jkunu qed ifittxu ambjent iktar sigur jew li jgħixu ħajja iktar stabbli, jingħaqdu mal-qraba tagħhom jew jevitaw il-persekuzzjoni.