Iktar żviluppi b’rabta mal-kuntratt iffirmat bejn il-kumpanija ElectroGas Malta Ltd, b’valur ta’ $300 miljun, ma’ kumpanija Asjatika, mill-Malasja, bl-isem Bumi Armada Berhad, biex din topera tanker tal-gass għal Malta.
Dan it-tanker għandu jibda jopera fid-Delimara mis-sena d-dieħla.
L-aħbar kienet żvelata minn sit tal-aħbarijiet Malasjan li żvelat ukoll li dan il-ftehim tfassal permezz ta’ numru ta’ kuntratti, fosthom mal-kumpaniji Armada Floating Gas Storage Malta Ltd u Armada Floating Gas Services Malta Ltd, li kollha jiffurmaw parti minn din il-kumpanija Malasjana.
Malta qed tintrabat ma’ din il-kumpanija għal mill-inqas 18-il sena u xahrejn, u jidher li diġa’ ġie identifikat it-tanker li se jkun qed jintuża għal dan il-għan f’Malta.
Issa, minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, ġurnali oħrajn, fosthom blogs internazzjonali dwar is-settur marittimu, qed juru li dan l-investiment se jkun l-ewwel pass biex din il-kumpanija Asjatika tibda topera iktar fis-suq Ewropew.
Kif jixhed l-artiklu li qed jidher fuq is-sit IHS Maritime 360, il-kumpanija Bumi Armada Berhad ħolqot tliet sussidjarji tagħha fir-Repubblika ta’ Malta, biex “tixpruna l-operat tagħha fl-Ewropa”.
Dawn it-tliet sussidjarji mistennija joperaw f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġjar ta’ vapuri u opri tal-baħar, mal-kiri ta’ dawn il-vapuri u billi toffri servizz ta’ appoġġ marittimu lil kumpaniji fl-industrija taż-żejt u l-gass “offshore”.
//= $special ?>