Hemm differenza meta wieħed iqabbel dak li sar fi żmien is-Segretarju Parlamenatri Franco Mercieca u dak li ppreżentat Justyne Caruana dwar il-persuni nieqsa mis-smigħ
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kixef is-sintomu li qiegħed jirrenja fil-Kabinett ta’ Muscat wara t-tibdil li qiegħed isir fl-istess Kabinett – dak li Ministru jew Segretarju Parlamentari ma jkomplix fuq ix-xogħol li jkun inbeda minn dak ta’ qablu fl-istess gvern.
Meta tkellem dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali u li kien qiegħed jiddiskuti l-Parlament qabel ma aġġorna għall-4 ta’ Mejju, Robert Cutajar semma eżempju ieħor ta’ dan is-sintomu tal-Gvern.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, fisser li hu ta’ nkwiet li fil-Ministeru tal-Politika Soċjali qed jirrenja sintomu ta’ pika fejn Ministru u Segretarju Parlamentari ma jkomplix fuq dak ta’ qablu fl-istess Kabinett.
Robert Cutajar staqsa jekk Justyne Caruana tafx jekk Franco Mercieca kienx diġà beda jaħdem u kkummissjoni grupp ta’ nies immexxija mill-Professur Kevin Aquilina li kien ukoll ressaq lill-Gvern rapport dwar il-qasam tal-persuni nieqsa mis-smigħ.
Staqsa lil Justyne Caruana tgħid jekk tafx b’dan ir-rapport li sar fi żmien is-Segretarju Parlamenatri Franco Mercieca, u jekk tatx kas il-kontenut li kiteb il-professur Kevin Aquilina. Irrimarka li hemm differenza meta wieħed iqabbel dak li sar fi żmien is-Segretarju Parlamenatri Franco Mercieca u dak li ġie ppreżentat fil-Parlament fl-Abbozz ta’ Liġi mressaq minn Justyne Caruana.
Robert Cutajar spjega li r-rapport li kien diġà mħejji qabel ma daħlet fil-kariga Justyne Caruana, kien dokument ħafna aktar dettaljat minn dak tal-lum. Anke t-titlu jidher li nbidel.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li dan hu sintomu li qed jirrenja għaliex mhux l-ewwel darba li fil-bdil tal-Kabinett li sar fis-sentejn li għaddew, rajna Abbozzi ta’ Liġi li jirriflettu li dak li jkun għamel qabel membru fl-istess Kabinett, jitwarrab u jinbeda xogħol ieħor mill-membru ġdid maħtur.
Appella biex ma tirrenjax il-pika bejn il-membri tal-Kabinett għaliex din ma tagħmilx ġid. Irrimarka wkoll li jekk is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ma tatx widen għad-dokument li kien diġà sar, dan hu żball.
Staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana jekk ikkonsultatx u jekk sematx mill-appelli tal-Assoċjazzjoni tal-Persuni Nieqsa mis-Smigħ, u rrimarka li huma nkwetati dwar dak li se jkun qed jiġi leġiżlat.
Appella wkoll għal bilanċ fil-kompożizzjoni tal-Kunsill waqt li rrimarka wkoll li l-Gvern m’għandux jixtri s-servizz tal-interpreti għall-persuni nieqsa mis-smigħ, iżda li joffri impjieg li jserraħ il-moħħ. Dan biex ix-xogħol ukoll isir kif mistenni u b’mod professjonali.
Ikkritika lill-Gvern li hawn ukoll ma kienx sensittiv u ma rax il-prijoritajiet hekk kif staqsa jekk dan is-servizz marx għall-aħjar jew marx lura.
L-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun ta’ skrutinju fuq dan ix-xogħol sensittiv biex jitjiebu s-servizzi tal-persuni nieqsa mis-smigħ. Taqbel li r-rikonoxximent tal-lingwa Maltija tas-sinjali hu pass fid-direzzjoni t-tajba li iżda seta’ sar ħafna aktar u ħafna aħjar.
//= $special ?>