L-Oppożizzjoni tressaq għadd ta’ mistoqsijiet fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni u r-reżistenza tal-Gvern li ma jitkellmux dwar iż-żjarat u l-laqgħat fl-Ażerbajġan
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi ma tawx dettalji u informazzjoni li talbet l-Oppożizzjoni dwar il-laqgħat u ż-żjarat tal-Gvern fl-Ażerbajġan, bil-mistoqsijiet jitwieġbu b’mod evażiv u jevitaw li jagħtu r-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari li sarulhom.
Il-mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru u lill-Ministru Konrad Mizzi saru fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li jikkonferma l-indħil dirett mill-Ministru Konrad Mizzi fix-xiri taż-żejt mill-kumpanija tal-Ażerbajġan SOCAR. Fil-ftehim li sar dwar ix-xiri taż-żejt, il-Gvern tilef €14-il miljun.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli u d-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg fil-ġimgħat li għaddew ressqu għadd ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru u lill-Ministru Konrad Mizzi b’rabta maż-żjarat, laqgħat u taħditiet li saru kemm mal-Gvern tal-Ażerbajġan kif ukoll mal-kumpanija SOCAR.
Għal mistoqsijiet li għamel id-Deputat Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, il-Prim Ministru ma tax id-dati taż-żjarat fl-Ażerbajġan li għamel hu jew xi membru tal-Kabinett tiegħu.
Lanqas ma ta l-lista ta’ laqgħat li għamlu fl-Ażerbajġan, bħalma żamm ukoll mistur l-informazzjoni dwar min akkumpanjah fiż-żjarat li għamel fl-Ażerbajġan u ma tax l-ismijiet tal-membri tad-delegazzjonijiet tal-gvern Malti li marru l-Ażerbajġan.
Il-Prim Ministru wieġeb biss għalih innifsu u ma tkellimx għall-ministri tal-Kabinett tiegħu stess. Qal li hu għamel żjara fl-Ażerbajġan f’Diċembru tas-sena l-oħra mingħajr ma ta d-dati. Qal ukoll li din iż-żjara kienet tħabbret fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fis-16 ta’ Diċembru li għadda.
Mistoqsijiet simili saru mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, lill-Ministru Konrad Mizzi, li kien mitlub jgħid fil-Parlament meta mar l-ewwel darba l-Ażerbajġan minn kemm ilu li daħal fil-politika, kemm-il darba mar f’dan il-pajjiż, u min mar miegħu.
Il-Ministru Mizzi wieġeb li vjaġġa fl-Ażerbajġan fl-2014, u li kien akkumpanja lill-Prim Ministru u d-delaegazzjoni fi żjara li matulha saru laqgħat mal-President u ma’ Ministri tal-Gvern, kif ukoll mat-tmexxija ta’ SOCAR.
Ammetta wkoll li fi żjarat oħrajn li saru fl-2014, saru laqgħat simili u attenda għall-ftuħ ta’ pipeline tal-gass.
Għall-mistoqsija dwar kemm-il darba l-konsulenti tiegħu tkellmu mal-Gvern tal-Ażerbajġan, il-Ministru Mizzi qal biss li l-laqgħat saru bejn gvern u ieħor.
Mitlub ukoll mix-Shadow Minister jgħid ma’ min tkellem, jekk hux ma’ middlemen jew rappreżentanti tas-SOCAR, il-Ministru Mizzi wieġeb b’risposta xotta u qal biss li ma tkellimx ma’ middlemen.
Il-Minsitru Konrad Mizzi ma tax informazzjoni dwar kemm-il darba konsulenti tiegħu tkellmu mas-SOCAR u kemm-il darba żaru l-kumpanija SOCAR jew lil xi rappreżentanti tagħha. Ma qalx lanqas dwar ma’ min tkellmu.
//= $special ?>