Raġel fil-Kanada li ħareġ għal passiġġata bil-kelb spiċċa juża par nail clippers biex jeħles mara li kienet ilha tinżamm għal ħamest ijiem minn raġel Kanadiż li aggrediha bi skop sesswali.
Il-mara, li jaħsbu li hi prostituta, kienet ħarġet fil-veranda tad-dar tal-aggressur, f’Toronto, u r-raġel bil-kelb – li jismu Peter Hamilton – sama’ l-għajjat tagħha u pprova minn kollox biex isalvaha. Dan meta hi kienet nofsha mnezza’, b’idejha marbutin bil-manetti u fejn dehret imbenġla minn rasha sa saqajha.
Il-mara infurmatu li r-raġel li aggrediha kien ‘rieqed fid-dar tiegħu’ u dak il-ħin, Hamilton induna li ma setax iċempel lill-pulizija għaliex kien ħalla t-telefon ċellulari warajh. Intant, hu ftakar li kellu fuqu n-nail-clippers li użahom biex iħoll il-manetti ma jdejn il-mara. Dan waqt li Hamilton kien konxju mill-periklu u fejn kien jaf li seta’ jiffaċċja ‘aggressur armat’ minn ħin għall-ieħor
Hamilton, aktar tard, irrakkonta li ma setax iħalli din il-mara waħedha ‘u meta sfortunatament qegħdin ngħixu f’soċjeta fejn kulħadd iħalli kollox għaddej, dment li hu ma jkollux x’jaqsam mas-sitwazzjoni’.
Ġara wkoll li dak il-ħin ħareġ raġel mid-dar inkwistjoni u Hamilton ‘qam biex jikkonfrontah’, iżda r-raġel iddeċieda li jaħrab minn fuq il-post.
L-aggressur tal-mara, maż-żmien, inqabad mill-pulizija li identifikawh bħala Rejean Hermel Perron (ara ritratt).
Perron hu akkużat b’li uża arma tan-nar biex jissekwestra mara kontra l-volonta tagħha u għal skop sesswali. Hu anki akkużat li żamm din il-mara bħala priġuniera u li uża l-forza fuqha, fejn hi spiċċat suġġetta għal diversi tipi ta’ abbuż. Sadanittant, id-detektivs jemmnu li r-raġel arrestat għandu wkoll ‘vittmi oħrajn li għad iridu jippreżentaw ruħhom u jiżvelaw dak li għaddew minnu’.
//= $special ?>