Fil-15 ta’ April 1942, meta Malta kienet tinsab fl-eqqel tal-Gwerra u f’nofs bumbardamenti mill-għadu, ir-Re George VI bagħat messaġġ lill-Gvernatur ta’ Malta Sir William Dobbie, li kien jgħid: “F’ġieħ il-qlubija tal-poplu tagħha, qed nagħti lil Malta l-George Cross bħala xhieda ta’ eroiżmu u devozzjoni li tibqa’ tul iż-żminijiet”.
U bħal kull sena, il-George Cross Island Association qed tfakkar dan l-avveniment, b’tifkira tal-qlubija ta’ missirijietna u b’tifkira ta’ min tilef ħajtu biex jiddefendi lil Malta.
F’diskors qasir, il-President tal-George Cross Island Association, l-Imħallef Joseph Galea Debono, qal li din iċ-ċerimonja għandha tibqa’ tinżamm bħala tifkira tas-sagrifiċċju li għamlu eluf ta’ persuni. Fakkar li l-kommemorazzjoni tal-lum taħbat fis-70 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-100 anniversarju mill-offensiva f’Gallipoli, li fiha Malta kellha rwol attiv biex tilqa’ l-midruba.
Membri tal-Kleru minn denominazzjonijiet differenti mexxew talb u kant ekumeniku, segwit minn tqegħid ta’ kuruni quddiem il-Qanpiena tat-Tifkira fil-Belt mill-Ambaxxaturi u rappreżentanti mir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Awstralja, ir-Russja u l-Kanada, kif ukoll minn għaqdiet tal-veterani.
//= $special ?>