EUROPA LEAGUE – KWARTI FINALI: Għada jibdew jintlagħbu l-ewwel legs tal-kwarti finali tal-Europa League, fażi li fiha se jkunu qed jilagħbu tliet timijiet li fil-passat diġa’ rebħu din it-tazza Fosthom hemm Sevilla, il-holders, li se jilqgħu lil Zenit St Petersburg, tim ieħor li wkoll ġieli kiseb suċċess f’din il-kompetizzjoni. Bla dubju għal Sevilla l-logħba kontra Zenit se tkun ostaklu delikat kontra tim li qiegħed l-ewwel fil-kampjonat domestiku.
Lejn l-aħħar ta’ Jannar u matul Frar Sevilla kienu għaddejin minn mument kemmxejn negattiv imma f’Marzu dawn ikrupraw u għamlu serje ta’ sitt partiti mingħajr telfa fejn rebħu ħamsa minnhom u ma qalgħu l-ebda gowl. Filwaqt li ma tantx kienu sejrin tajjeb fil-kampjonat, Sevilla urew logħob aħjar f’din il-kompetizzjoni u wara li għaddew għall-fażi tan-knockout billi spiċċaw it-tieni fi Grupp Ġ, eliminaw lil Borussia Monchengladbach, li li qiegħed jissorprendi fil-Bundesliga u lil Villarreal billi rebħulhom fiż-żewġ legs.
Fil-kampjonat Sevilla bħalissa jinsabu fis-sitt post u żgur li r-riżultat li kisbu fi tmiem il-ġimgħa se jimlihom kuraġġ għal logħba kontra r-Russi. Fi tmiem il-ġimgħa Sevilla kienu qed jitilfu kontra l-liders Barcelona imma wettqu rimonta mill-aqwa u ħadu draw ta’ 2-2.
Minn naħa tagħhom Zenit jistgħu jiffukaw aktar fuq din il-kompetizzjoni minħabba l-fatt li qed igawdu vantaġġ ta’ 10 punti f’ras il-klassifika tal-kampjonat domestiku. Wara li eliminaw lil PSV, Zenit eliminaw anke lil Torino imma jekk iridu jeliminaw lill-holders żgur li ma jridux jerġgħu jitilfu l-konċentrazzjoni bħal ma għamlu fit-tieni leg kontra Torino f’logħba li tilfu 1-0 u li fiha t-Taljani kienu sfortunati li ma sfurzawx il-ħin barrani. Nhar is-Sibt li għadda Zenit ġew miżmuma draw 1-1 f’darhom kontra Rubin Kazan fil-kampjonat.
F’kummenti li ta l-kowċ ta’ Zenit hekk kif sar jaf li Sevilla kienu se jkunu l-avversarji li jmiss, Villas Boas qal, Ġejna kontra l-aktar tim diffiċli li stajna niġu. Se nilagħbu kontra tim li mhux biss għandu plejers ta’ kwalità imma anke tim li għandu esperjenza kbira f’din it-tazza. Irridu nagħmlu minn kollox biex fl-ewwel leg inġibu riżultat tajjeb biex b’hekk, fit-tieni leg, li se nilagħbu quddiem il-pubbliku tagħna, ikollna vantaġġ.”
Statistika interessanti hi li meta Sevilla u Zenit waslu sal-kwarti tal-finali dawn baqgħu sejrin biex jirbħu t-tazza. Ovvjament, minħabba li se jilagħbu kontra xulxin, it-tradizzjoni mhux se tibqa’ tinżamm. Sena ilu Sevilla kienu eliminaw lil Porto filwaqt li Zenit, fl-2008, kienu eliminaw lil Bayer Leverkusen.
//= $special ?>