Lokali Parlament

Rapport dwar it-toroq f’San Pawl il-Baħar moħbi wkoll?

Il-Gvern ma ta ebda informazzjoni dwar ir-rapport li suppost sar dwar il-kundizzjonijiet tat-toroq f’San Pawl il-Baħar.

Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea staqsa fil-Parlament lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li suppost tħejja, u jgħid min ħejja dan ir-rapport.

Ċensu Galea għamel dawn il-mistoqsijiet fid-dawl ta’ rapporti li jirreferu li huma meħtieġa madwar €9 miljun għax-xogħol neċessarju biex jittranġaw it-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Ir-risposta li ta l-Ministru Owen Bonnici fl-aħħar seduta parlamentari tal-1 ta’ April, kienet li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Ministru Owen Bonnici ma poġġa ebda rapport dwar il-kundizzjonijiet tat-toroq f’San Pawl il-Baħar, bil-mistoqsija tkun jekk dan hux rapport ieħor li qed jibqa’ mistur u moħbi mill-Gvern.