Lokali

Ritratti: Tibda ż-żjara tal-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri

Il-Kavallieri ta’ Malta se jagħtu b’donazzjoni Mobile Clinic biex tintuża fil-bażi tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati Maltin f’Xatt it-Tiben għall-eżamijiet mediċi tal-immigranti irregolari li jiżbarkaw f’Malta.

Dan tħabbar hekk kif beda żjara statali ta’ tlett ijiem f’Malta l-Gran Mastru tal-Ordni Frà Matthew Festing, li matulha se jkun jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

GRAN MASTRU 3

Wara ċerimonja uffiċjali ta’ merħba f’Misraħ San Ġorġ, l-ewwel impenn ta’ Festing ilbieraħ kienet laqgħa mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt.

Kien hawnhekk li l-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni Sovran, Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta tkellem dwar l-impenn tal-Ordni li jgħin fil-problema tal-immigrazzjoni irregolari, u qal li l-Ordni hu konxju ta’ din il-kriżi umanitarja. Hu qal li l-Ewropa kollha għandha tagħmel sforz biex ittejjeb is-sitwazzjoni.

GRAN MASTRU 4

Aktar tard Festing poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana u malli wasal fil-Palazz ta’ San Anton fejn se jkun alloġġjat, kellu żjarat ta’ korteżija mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-Ispeaker tal-Parlament.

Il-programm taż-żjara tiegħu f’Malta jkompli għada b’Quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u żjarat f’diversi postijiet fosthom il-Barrakka ta’ Fuq, il-Grotta ta’ San Pawl u fil-monasteru tas-Sorijiet tal-Klawsura fil-Belt.

GRAN MASTRU 1

Għada se jkollu wkoll taħditiet uffiċjali mal-PM Joseph Muscat f’Kastilja waqt li qabel iħalli Malta l-Ġimgħa se jżur il-Birgu fejn il-Kunsill Lokali se jonorah bħala Ċittadin Onorarju ta’ din il-belt.

Il-Ġimgħa se jżur ukoll iċ-Ċentru San Franġisk f’Ta’ Qali fejn se jiltaqa’ mal-Malta Guide Dogs Foundation.

Simon Gran Mastru