FUTBOL: Il-kowċ ta’ Borussia Dortmund Jurgen Klopp żvela li se jħalli lill-klabb fi tmiem dan l-istaġun. Klopp ingħaqad ma’ Dortmund fl-2008 meta kien ħalla lil Mainz u minn dakinhar ‘l hawn rebaħ il-kampjonat darbtejn wara xulxin u anke t-tazza domestika fl-2012. Fl-2013 Dortmund, taħt it-tmexxija ta’ Klopp kienu waslu sal-finali taċ-Champions League, finali li tilfu kontra r-rivali Bayern Munich.
Dan l-istaġun Dortmund kellhom bidu diżastruż u kien hemm mument fejn anke kienu fl-aħħar post tal-Bundesliga. Dan l-aħħar ġimgħat irkupraw kemmxejn u bħalissa jinsabu fl-10 post. Fi tmiem il-ġimgħa Dortmund sofrew telfa ta’ 3-1 barra minn darhom kontra Borussia Moenchengladbach u jiem wara din it-telfa kien hemm spekulazzjonijiet li Klopp jista’ jħalli lill-klabb.
Kien proprju għalhekk li lbieraħ saret konferenza tal-aħbarijiet fejn waqtha Klopp ikkonferma l-għajdut u qal, “F’dawn l-aħħar snin kemm jien kif ukoll id-diriġenti tat-tim ħdimna ħafna u ħadd m’għandu jirringrazzja li ħadd. It-tnejn li aħna għamilna xogħlna. Minn dejjem kont tal-idea li meta nħoss li m’għadnix kapaċi nmexxi lill-klabb ninforma lid-diriġenti u f’dan il-każ hekk għamilt.
Qed inħabbar issa din id-deċiżjoni u mhux fi tmiem l-istaġun biex b’hekk nagħti ċans lid-diriġenti ifittxu kowċ mingħajr għaġla. Nemmen li din hi din hi deċiżjoni tajba minn naħa tiegħi u l-klabb jixraqlu kowċ mill-aqwa,” qal Klopp fl-ewwel kummenti li ta hekk kif deher ferm emozzjonat quddiem il-ġurnalisti preżenti fis-sala.
Il-kuntratt ta’ Klopp kien se jiskadi fl-2018 imma dan talab biex jinħalla minnu fi tmiem l-istaġun. Fi tmiem il-konferenza Klopp qal li mhux qed jippjana li jagħmel sena mistrieħ u qal li l-għan tiegħu għalissa se jkun li jgħin lil Dortmund itemmu l-istaġun fuq nota pożittiva.
Għal tmiem il-kampjonat fadal sitt partiti filwaqt li Dortmund, fit-28 ta’ April, għad iridu jilagħbu wkoll is-semi finali tat-tazza domestika kontra Bayern Munich.
//= $special ?>