Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara waqt konferenza tal-aħbarijiet li r-riżultat tar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa hu “l-aħħar ċans” għall-kaċċaturi.
Illum, mal-ewwel każ ta’ qtil ta’ tajr protett, ħafna esprimew ruħhom li huma fehmu li fid-diskors tiegħu, hekk kif ħareġ ir-riżultat tar-Referendum, il-Prim Ministru fisser li hu kien se jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa … anke meta wieġeb mistoqsija tal-ġurnalisti u sostna li “mal-ħażin se jeħel it-tajjeb”.
Wara l-każ tal-qtil minn kaċċatur tal-għasfur protett Daqquqa Kaħla, issa l-Gvern qal li lest jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa f’każ li jkun hemm “illegalitajiet flagranti”.
Hekk kif sar magħruf dan il-qtil, kienu ħafna dawk li fuq is-social media staqsew x’azzjoni jista’ jieħu l-Prim Ministru Muscat wara dan il-każ. Fost oħrajn, fuq is-social media bdiet iddur il-hashtag JOSEPHZOMMKELMTEK.
Madankollu, fi stqarrija xotta wara l-qtil tal-għasfur protett, il-Gvern sempliċiment spjega dak li ġara dalgħodu, filwaqt li qal li t-twissija tal-Gvern issa hi fil-konfront ta’ illegalitajiet flagranti.
//= $special ?>