Lokali Qorti

Aġġornata: Każ ieħor ta’ qtil fuq tajr protett – kaċċatur ta’ 37 sena jintbagħat tliet xhur ħabs

Aġġornata:

L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu faħħru l-azzjoni immedjata li ttieħdet mill-awtoritajiet biex jinqabdu l-kaċċaturi li sparaw fuq tjur protetti, u biex tingħatalhom sentenza mill-Qorti.

L-inċident tal-lum, tgħid l-għaqda, turi injoranza min-naħa tal-kaċċatur li qal li ma kinx jaf li l-kaċċa hi permessa biss fuq il-gamiem u s-summien. Turi wkoll ambigwita’ fis-sistema tal-għoti tal-liċenzja tal-armi lil persuni li għandhom rekord kriminali, fosthom aggressjoni fuq membru mill-korp tal-Pulizija u każ pendenti ta’ attentat ta’ qtil.

L-istess għaqda qalet li dan il-kaċċatur mhux membru tagħha u qatt ma seta’ jkun eliġibli minħabba l-karattru tiegħu. Mhux sew, tgħid l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu, li dawn il-persuni jħammġu l-mod kif il-pubbliku jħares lejn kaċċaturi responsabbli.

L-għaqda titlob lil awtoritajiet biex jittieħdu l-armi ta’ persuni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, filwaqt li aċċennat li hi qed tħaddan politika ta’ tolleranza ċero fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn.

6.40pm: Shaun Demicoli (ritratt), kaċċatur ta’ 37 sena minn Birżebbuġa, ingħata sentenza ta’ tliet xhur priġunerija u kellu l-liċenzja sospiża għal tliet snin wara li ammetta fil-Qorti li qatel illegalment tajra protetta.

VenewwaDalgħodu, Demicoli qatel għasfur protett tar-razza Venewwa (ritratt lemin) fiż-żona ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa. Fil-Qorti, l-Avukat tiegħu qal li l-kaċċatur ma kienx jaf li hu llegali li l-Venewwa jiġi kkaċċjat fl-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Dwar l-istess każ, il-Qorti ordnat ukoll li jiġi kkonfiskat is-senter ta’ Demicoli.

Sadanittant, fil-Qorti Shaun Demicoli kien akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fl-2011 u s-sena li għaddiet, kif ukoll li kien reċediv. Dwar iż-żewġ sentenzi sospiżi li kellu fis-snin li għaddew, il-kaċċatur ingħata wkoll multa ta’ €200. Id-Difiża qalet li se tappella mis-sentenza.

Il-każi ta’ Shaun Demicoli fil-passat jinkludu wkoll akkuża ta’ attentat ta’ qtil ta’ Tuneżin.

Dan il-qtil illegali ta’ tajra protetta kien it-tieni każ ta’ qtil illegali fit-tielet jum tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa u t-tieni każ f’jumejn. Il-każ seħħ fiż-żona ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa, fejn jidher li l-Pulizija għandha fil-pussess tagħha wkoll it-tajra maqtula.

Il-każ seħħ l-għada li l-Pulizija arrestat u ressqet quddiem il-Qorti kaċċatur ieħor, li ammetta fil-Qorti li kien qatel it-tajra protetta Daqquqa Kaħla minħabba li ħasibha gamiema jew summiena. Hu kien immultat €2,500, kellu s-senter u l-munizzjon ikkonfiskati u l-liċenzja sospiża għal tliet snin u nofs.

Iż-żewġ każi wara biss tlett ijiem mill-ftuħ tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, wara li r-Referendum tas-Sibt li għadda ntrebaħ b’maġġoranza ta’ 50.4%, ikomplu jitfgħu pressjoni fuq il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan hekk kif fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-media wara biss ftit minuti mill-ewwel indikazzjoni tar-riżultat tar-Referendum, Muscat iddikjara li r-Referendum kien “l-aħħar ċans” għall-kaċċaturi. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru wieġeb lill-ġurnalist tax-xandir tal-Istat li “mal-ħażin se jeħel it-tajjeb”.

Madankollu, wara l-każ tal-bieraħ, il-Gvern qal li lest jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa jingħalaq f’każ li jkun hemm “illegaliajiet flagranti”. Min-naħa tiegħu, lill-ġurnalisti dalgħodu Roderick Galdes qalilhom li jekk se jkun hawn abbużi serji ta’ illegalitajiet, il-Gvern jikkunsidra li jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) inkoraġġixxiet lil kulћadd jaġixxi bћal dawk il-kaċċaturi, li rrappurtaw lill-persuna li sparat fuq tajra li tista’ taqbadha biss fl-istaġun tax-Xitwa. L-FKNK faħħret ukoll l-aġir pront, f’waqtu u effettiv tal-Pulizija li nvestigaw il-każ.

Fl-istqarrija qalet li minn stћarriġ li gћamlet l-FKNK, irriżulta li dan il-persuna mhuwiex membru tagћha. Gћaldaqstant, appellat lill-Assoċjazzjoni li hu msieћeb magћha biex jissospendi minnufih is-sћubija tiegћu u jekk jinsab ћati mill-Qrati, jikkanċellawlu minnufih is-sћubija għax kriminali m’gћandhomx ikollhom post mal-kaċċaturi legali fil-gżejjer tagћna.

L-FKNK qalet li dawn il-kriminali gћandhom ferm anqas ċans jgћadduha lixxa meta jkun hemm il-maġġoranza assoluta ta’ kaċċaturi legali barra waqt staġun miftuћ. Sostniet l-appell biex il-kaċċaturi u l-pubbliku inġenerali jirrapportaw immedjatament kull ksur ta’ Liġi lill-Pulizija billi jċemplu 119.

Aktar kmieni …
5.30pm: Shaun Demicoli, ta’ 37 sena minn Birżebbuġa bħalissa qed jitressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Hu qed jiffaċċja tmien Kapi ta’ Akkuża, kif ukoll akkuża li hu reċidiv.

3.50pm: Raġel ta’ 37 sena mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum, akkużat bil-qtil ta’ tajra protetta. Dan il-każ seħħ dalgħodu f’Bengħajsa, Birżebbuġa.

Ir-raġel  mistenni jitressaq il-Qorti għall-ħabta tal-5pm quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, wara investigazzjoni mill-Pulizija ta’ sparar fuq tajr protett, it-tieni każ fit-tielet jum tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa wara r-Referendum tas-Sibt li għadda.

Jirriżulta li l-għasfur maqtul hu tat-tip Venewwa. Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed iżżomm lir-raġel għal aktar stħarriġ, filwaqt li għandha fil-pussess tagħha wkoll it-tajra maqtula.

Il-qtil tal-Venewwa seħħ wara li lbieraħ il-Pulizija arrestat u ressqet quddiem il-Qorti kaċċatur, li ammetta li kien qatel it-tajra protetta Daqquqa Kaħla minħabba li ħasibha gamiema jew summiena. Hu kien immultat €2,500, kellu s-senter u l-munizzjon ikkonfiskati u l-liċenzja sospiża għal tliet snin u nofs.