Ambjent Lokali

BIL-FILMAT: Tensjoni u rabja mill-pitkala għal deċiżjoni tal-Gvern

(Filmat: Noel Zammit)

Numru ta’ pitkala dalgħodu esprimew ir-rabja tagħhom għal deċizjoni li ħa l-Gvern li ma jħallihomx joperaw mill-postijiet tagħhom stess fil-Pitakilja f’Ta Qali għax ma qablux li għandhom iħallsu garanzija bankarja. Kien propju kmieni filgħodu li l-pitkala kienu ffaċċjati mill-Pulizija u Uffiċjal tas-Sigurtà, li ma ħallewhomx jidħlu fil-Pitkalija.

Fl-aħħar ġimgħat, inqalgħet kontroversja u nuqqas ta’ qbil bejn il-pitkala u s-Segretarju Parlamentari tal-Agrikoltura Roderick Galdes minħabba li l-Gvern beda jitlob li jkunu l-pitkala li jagħmlu garanzija bankarja ta’ eluf ta’ ewro, skont il-bejgħ tagħhom, li tagħmel tajjeb għall-ħlas tax-xerrejja. Il-pitkala sostnew li t-talba mhijiex ġusta għax se tpoġġi piżijiet kbar fuqhom, li qatt ma kienu imposti fuqhom qabel.

F’konferenza tal-aħbarijiet l-Avukat Adrian Delia, f’isem il-pitkala, ta dettalji dwar il-pożizzjoni tal-pitkala u qal li l-Gvern m’għandu l-ebda dritt li ma jħallix lill-pitkala joperaw f’xogħlhom.

Oriġinarjament, il-garanzija kienet issir mill-Bank APS, iżda din ma baqgħetx fis-seħħ. It-Tlieta li għadda, il-pitkala rċievew ittra, li fiha kienu nfurmati li jekk ma jipprovdux il-garanzija bankarja sal-24 ta’ April, ma kienux se jitħallew ikomplu joperaw b’mod immedjat.

 

Pitkalija-9364

 

Pitkalija-9637

Aktar kmieni ….

Il-garanzija il-ġdida li qed jintalbu l-Pitkala, dalghodu ħolqot kontroversja kbira u tensjoni fil-Pitkalija.

Ġurnalisti ta’ Maltarightnow.com ilhom isegwu s-sitwazzjoni fil-pitkalija mit-3:30 ta’ dalgħodu.

Fost il-pitkala teżisti inċertezza kbira, li laħqet il-qofol tagħha dalgħodu.

Kien għall-ħabta tal-5am meta qamet kommossjoni fost il-pitkala, tant li fil-post kellha tissejjaħ il-Pulizija.

Dalgħodu, fit-8.30am, se ssir ukoll konferenza tal-aħbarijiet mill-pitkala dwar dan is-suġġett.