Avukat Ingliż li ggradwa mill-Universita ta’ Oxford ilu talanqas sentejn jivvjaġġa bil-ferrovija mingħajr ma joħroġ imqar lira għall-biljett – u bir-riżultat li jista’ jispiċċa jħallas mat-€23,000.
Fil-fatt, Peter Barnett, li għandu 43 sena, għandu jitressaq il-qorti bħala l-aktar ‘fare-dodger’ konsistenti fi żmenijiet moderni. Dan meta jingħad li Barnett, li twieled l-Awstralja, dam sentejn u nofs juża sistema partikolari biex itellef l-eluf tal-liri (fi vjaġġi m’humiex imħallsin) lil Chiltern Railways.
Mifhum li l-avukat kien jivvjaġġa mid-dar tiegħu f’Oxfordshire għal London Marylebone u fejn ipprova juri li kien qed jivvjaġġa ‘biss’ minn Wembley, fil-Majjistral ta’ Londra.
Iżda l-istrateġija ta’ Barnett bdiet tisfuma f’Novembru li għadda meta kien waqqfu spettur tal-biljetti fl-Istazzjon ta’ Marylebone. Barnett, fil-fatt, irnexxielu jaħrab mis-sitwazzjoni skomda iżda qal li, wara, ‘ħass il-kuxjenza tniggżu’ tant li ddeċieda li jammetti l-ħtija l-għada stess. Il-Pulizija tat-Trasport Britannika imbagħad investigat lil Barnett u sabet li hu kien ilu ma jħallas in-noll tal-ferrovija minn April tal-2012.
Barnett, intant, qed jinsisti li hu iffranka mad-€9,714 fi spejjeż ta’ biljetti u qal li l-awtoritajiet għandhom jikkalkulaw l-ammont dovut (minnu) lin-network tat-trasport fuq il-bażi ta’ biljett validu għal ġimgħa u mingħajr ma jikkalkulaw il-btajjel annwali tiegħu.
Fl-istess ħin, il-Prosekuturi qalu lill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster li jekk jikkonfermaw li l-flus ‘misruqin’ jammontaw għal €23,000, Barnett għandu jeħel għall-akbar każ ta’ evażjoni tan-noll (tal-ferrovija) li qatt tressaq għal proċess tal-qorti.
L-esperti tas-sistema tal-ferrovija li kkalkulaw l-iskala tal-qerq qalu li f’każ li xi ħadd jabbuża bl-istess mod bħal Peter Barnett, l-awtoritajiet m’għandhomx jevalwaw l-iskala tal-abbuż fuq bażi ta’ biljett validu għal ġimgħa, iżda fuq is-sistema ta’ ‘full single fare’ għal jum, bir-‘return’. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni totali tal-qerq, f’termini ta’ spejjeż lill-kumpannija, trid tieħu inkunsiderazzjoni l-ġranet kollha meta l-imputat uża s-servizzi tal-ferrovija mingħajr ma ħallas il-prezz tal-biljett stabbilit.
//= $special ?>