Lokali

David Casa jappella għal inċentivi għal persuni b’diżabilità fil-qasam tax-xogħol

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, fis-sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew, appella biex il-Gvernijiet tal-UE jassiguraw li d-diffikultajiet għal persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol jitneħħew.
Appella wkoll biex min iħaddem jiġi mogħti inċentivi li jinkoraġixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.

Il-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew kien qed jitkellem f’isem il-Grupp PPE. Spjega li l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol hi waħda mill-ikbar sfidi fil-qasam soċjali u f’dak tax-xogħol.

Insista li l-Kummissjoni Ewropea tiggarantixxi trattament ugwali għal kulħadd u aċċess għal persuni b’diżabilità anke fl-istituzzjonijiet tal-UE. Saħaq ukoll li għandha tassigura li l-liġijiet li jirrigwardaw persuni b’diżabilità jkunu implimentati kif suppost u jiġu segwiti mill-gvernijiet kollha tal-UE u f’kull livell tas-soċjetà.

David Casa appella biex ikun hemm sforz ikbar biex persuni b’diżabilità jingħataw aċċess sħiħ għall-post tax-xogħol. Tenna l-ħtieġa ta’ miżuri effettivi u urġenti li jgħinuhom jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Insista li dan mhux privileġġ imma dritt.

Appella wkoll biex Gvernijiet fl-UE joħolqu kemm sanzjonijiet kif ukoll inċentivi u sostenn biex min iħaddem jiġi inkoraġġit jimpjega persuni b’diżabilità.