Lokali

Din is-sena nfakkru l-450 sena mill-Assedju l-Kbir

Din is-sena Malta se tfakkar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir tal-1565, meta Malta kienet taħt idejn il-Kavallieri u ġejna attakkati mill-imperu Ottoman.

Għal dan l-anniversarju se jkunu organizzati diversi attivitajiet f’diversi lokalitajiiet partikolarment fil-Birgu, il-belt li sa llum għadha magħrufa bħala l-belt tal-Kavallieri.

Biex ikun spjegat x’tip ta’ attivitajiet se jsiru, il-bieraħ saret konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, mis-Sindku tal-Birgu John Boxall u minn rappreżentanti ta’ Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti li wkoll għandhom sehem fl-organizazzjoni.

L-attivitajiet uffiċjali marbuta mal-450 anniversarju se jibdew fis-17 ta’ Mejju. Bejn is-26 u d-29 ta’ Ġunju, se ssir attivita fil-Forti Sant Iermu bl-isem 1565 – First and Last Hope. L-attivita se tiffoka fuq avvenimenti li ġraw qabel, waqt u wara l-Assedju l-Kbir. Se ssir wkoll : Shadows from the Great Siege, żjara mat-toroq tal-Isla animata minn karattri li ħadu sehem fil-battalja, li se tkun organizzata fil-15 ta’ Lulju. Bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru, se tittella’ wirja internazzjonali fis-swali maestużi tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn se jintwerew l-aktar oġġetti importanti li fadal, kemm minn Malta kif ukoll minn barra, marbuta mal-Assedju.

John Boxall, is-Sindku tal-Birgu semma’ wkoll li f’pajjiżna għal dan l-anniversarju se jiħu anke mal-450 kavallier, jew aħjar membri tal-Ordni ta’ Malta. Dawn il-kavallieri se jaslu Malta bejn is-6 u t-8 ta’ Settembru biex jieħdu sehem f’diversi attivitajiet kulturali u liturġiċi flimkien ma’ delegati Maltin. Fil-knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu, se ssir ċelebrazzjoni liturġika biex tfakkar ‘il dawk li mietu fl-Assedju l-Kbir. Wara, ikun hemm purċissjoni sa Misraħ ir-Rebħa biex titqiegħed kuruna ta’ fjuri fejn il-monument. Barra minn hekk, se tkun iċċelebrata quddiesa pontifikali fis-santwarju tan-Natività ta’ Marija fil-Mellieħa, kif ukoll quddiesa pontifikali biex tkun iċċelebrata r-rebħa tal-Assedju l-Kbir li se ssir fil-Belt Valletta.

Biex wieħed jikseb aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet jista’ jżur il-sit ta’ Heritage Malta fejn hemm spjegat id-dettalji kollha dwar l-attivitajiet tal-450 sena mill-Assedju l-Kbir.

450 Great Siege logo MLT-05