Knisja Lokali

Drachma kuntent bid-diskussjoni pożittiva u kostruttiva wara li Fr Mark Montebello bierek iċ-ċrieket ta’ koppja gay

Ritratti : Hush Photography

Il-grupp Drachma jilqa’ d-diskussjoni pożittiva u kostruttiva li nħolqot wara li Fr Mark Montebello bierek iċ-ċrieket tal-għerusija ta’ koppja omosesswali. Fi stqarrija, Drachma qal li din id-diskussjoni tista’ tkun opportunità biex tiġi esplorata mill-att Nisrani fehma aħjar dwar ir-relazzjonijiet LGBTI u l-valur tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà.

Drachma qal li jirrispetta r-rwol tal-Arċisqof, bħala l-Kap tal-Knisja f’Malta, li jara li jiġu segwiti r-regoli tal-Knisja. Min-naħa l-oħra, iżżid l-istqarrija, hu apprezzat il-ġest ta’ Fr Mark, li għamel stedina lejn il-possibbiltà ta’ aktar inizjattivi pastorali għall-persuni LGBTI.

Drachma żied li d-djalogu intern diġà qed iseħħ, grazzi għas-Sinodu dwar il-Familja u anke fost l-Akkademiċi. Semma’ wkoll Teologi li qed jikkontribwixxu lejn diskussjoni importanti dwar dan is-suġġett, li għandha tgħin biex il-Knisja tirrispondi għal dawn ir-realtajiet.

Il-grupp qal ukoll li Insara li huma LGBTI joffru lill-Knisja esperjenzi tanġibbli ta’ persuni li jippersistu f’ħajja li tgħaqqad is-sesswalità mal-ispiritwalità. Drachma sostna li filwaqt li jifhem il-pożizzjoni tal-Knisja, li tbierek koppji ffurmati minn raġel u mara, dan m’għandux iwaqqaf lill-Qassisin milli jimxu mal-Insara LGBTI li jixtiequ li jkollhom lil Alla fl-esperjenza ta’ mħabba bejniethom.

Il-grupp innota l-inizjattiva tal-koppja inkwistjoni li fittxet barka Nisranija għall-imħabba tagħhom għax dan jagħti ċ-ċans lil kulħadd jirrifletti fuq il-ġenwinità tar-relazzjonijiet bejn koppji tal-istess sess, li jridu jinkludu lil Kristu f’ħajjithom.

Drachma appella lill-Knisja ssegwi l-passi tal-Papa Franġisku, li min-naħa tiegħu appella lir-rgħajja spiritwali jkunu dejjem aktar qrib il-merħla tagħhom, b’sensittività għar-realtajiet tal-lum. Bl-istess mod, tenna l-apprezzament tiegħu għall-pożizzjoni tal-Arċisqof Scicluna, li inkoraġġa lil Patri Mark u lil Qassisin oħrajn biex ikunu qrib tal-komunità LGBTI.

tieg gay wedding montebello