Raġel Pollakk ta’ 38 sena qed jinżamm taħt arrest wara li nstab il-katavru ta’ tifla żgħira qrib il-belt ta’ Calais – sigħat biss wara li ommha kienet assistiet għall-ħtif ta’ bintha.
L-istampa Franċiża qed jirreferu għat-tifla bħala ‘Chloe’, bir-rapporti jgħidu li ‘l-aggressur’ kien ħatafha qrib ta’ park u wara li l-omm tat-tifla kienet tbiegħdet mill-inħawi għal ftit sekondi. Fil-fatt, il-mara qalet li ‘rat b’għajnejha’ raġel qed ikaxkar lil bintha lejn karozza u fejn hi, dak il-ħin, ma setgħet tagħmel xejn.
Kien proprju ftit sigħat wara li l-katavru ta’ ‘Chloe’ instab qalb il-foresta, mhux wisq ‘il bogħod mill-inħawi fejn ommha kienet lemħet il-vettura. Mifhum li t-tifla spiċċat aggredita bi skop sesswali, bl-aggressur tagħha jispiċċa jgħallaqha dritt wara.
Il-qtil tat-tifla xxokkja l-pajjiż kollu u ingħata prominenza kbira mill-istampa Franċiża.
Ir-raġel Pollakk suspettat dwar il-qtil kien instab qrib l-inħawi fejn seħħ id-delitt u anki inqabad fil-pussess taċ-ċwievet tal-karozza partikolari. Mifhum li l-pulizija arrestatu fuq il-post, bir-rapporti jgħidu li s-suspettat għandu rekord twil ta’ vjolenza kriminali u li hu wettaq numru ta’ reati fil-Polonja u daqstant ieħor fi Franza.