Il-GWU tindirizza konferenza tal-aħbarijiet li għaliha ma kien mistieden ebda ġurnalist ta’ media.link communications, imma attendejna xorta waħda. Zarb jikkonferma li l-ħaddiema ngħataw formola imma fiha ma kienx hemm il-mistoqsija jekk jaqblux jew le mal-ftehim li l-union laħqet mal-Gvern
Wara żmien twil jinżammu fil-għama, il-ġimgħa li għaddiet l-eksħaddiema tax-xatt li kienu impjegati bejn l-1973 u l-2007 u l-werrieta tagħhom intalbu mill-General Workers’ Union (GWU) biex jimlew formola fuq il-ftehim li l-union laħqet f’isimhom mal-Gvern fil-kwistjoni –li issa ilha għaddejja – tal-Fond tal-Pensjoni u Kontinġenza li ħallsu għalih tul għexieren ta’ snin.
Din il-formola ngħatat lilhom waqt laqgħa li fiha l-GWU tathom id-dettalji dwar il-ftehim li laħqet mal-Gvern aktar kmieni fuq il-flus li dawn il-ħaddiema u l-qraba tagħhom għandhom jieħdu minn dan il-Fond.
Madankollu l-formola, li ntalbu jibagħtuha lura lil-union mimlija bid-dettalji personali tagħhom sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, imkien ma kienet tinkludi l-mistoqsija jekk jaqblux mal-ftehim jew le. Dan minkejja li lill-eksħaddiema qalulhom li jekk jirritornawha mimlija dan ikun ifisser li qed jaċċettaw il-ftehim milħuq…fi kliem ieħor sitwazzjoni ta’ ‘take it or leave it’.
F’konferenza tal-aħbarijiet li indirizzat il-GWU dalgħodu dwar din il-kwistjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ammetta li l-eksħaddiema ġew mistoqsija bil-fomm waqt il-laqgħa jekk jaqblux mal-ftehim milħuq, imma l-karta li ngħataw kienet biss biex jimlew id-dettalji tagħhom fuqha. Qal ukoll li s’issa l-union irceviet lura 450 formola.
Wara dik il-laqgħa, ħafna mill-eksħaddiema ħarġu ferm diżappuntati minħabba li jekk jaċċettaw il-ftehim mhuma se jingħataw xejn qabel Jannar ta’ sena oħra, waqt li s-somma li l-GWU qablet mal-Gvern li għandhom jingħataw se tkun mifruxa fuq tnax-il sena.
Staqsejna x’dettalji fiha din il-formola, fosthom il-mistoqsija ċara jekk il-ħaddiema jew il-werrieta jaqblux mal-ftehim, iżda Zarb wieġeb li l-formola ma fihiex din l-mistoqsija imma fiha biss id-dettalji li l-union jidhrilha li għandha bżonn tiġbor mingħand il-ħaddiema.
Fl-aħħar ġimgħat il-ġurnal ‘in-Nazzjon’ żvela d-dettalji tal-laqgħat li kienu għaddejjin dwar din il-kwistjoni, u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU għajjar lill-Partit Nazzjonalista u lill-media tiegħu ipokriti minħabba li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista dawn il-ħaddiema ma ngħatawx dawn l-flus u ingħad lilhom li dwar l-kwistjoni kien hemm żewġ kawżi pendenti fil-Qorti.
Tony Zarb ikkonferma li l-kawżi issa ġew sospiżi biex il-GWU tilħaq ftehim mal-Gvern imma mkien ma semma li dawn twaqqgħu għax il-ħaddiema kienu ngħataw garanzija mill-PM Joseph Muscat.
Hu qal ukoll li l-eksħaddiema tax-xatt jew il-werrieta tagħhom se jinghataw €28,000 kull wieħed – flus li se jingħataw fuq 12-il sena.
Madanakollu, fil-verità, kif spjegaw eksħaddiema tax-xatt stess lil dan il-ġurnal, Tony Zarb mhux jgħid li min jaċċetta l-ftehim milħuq – li kien ippreżentat lill-ħaddiema bħala fatt kompjut – se jkun qed iċedi kull dritt għal aktar ħlas u benefiċċji li jista’ jkun li għandu dritt għalih. Fost l-oħrajn id-dritt li wħud mill-ħaddiema jieħdu €500 għal kull sena li damu jaħdmu fix-xatt, flus li jistgħu jitilgħu sa massimu ta’ madwar €20,000 oħra u li suppost jiżdiedu mat-€28,000 li qed joffri l-Gvern fil-ftehim maqbul mal-GWU.
F’dan il-każ, iżda, meta l-ħaddiema nsistew, il-GWU qaltilhom li jew jaċċettaw il-ftehim kif inhu u jirrinunzjaw għal dan id-dritt, inkella lilha jinsewha u jkomplu bil-kawża kontra l-Gvern għal rashom.
Ħaddiema li tkellmu magħna qalu li jinsabu rrabjati għaliex huma dejjem ġew imwiegħda – saħansitra anke mill-Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-aħħar elezzjoni – li se jingħataw dak kollu li għandhom dritt għalih bil-liġi mingħajr ma ssir diskriminazzjoni ma’ ħadd, b’riferenza għall-fatt li fi żmien gvern Nazzjonalista kien hemm ħaddiema oħrajn li laħqu ħadu dawk il-€500 għal kull sena li ħadmu.
//= $special ?>