L-emendi li ppreżentat l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, fil-Parlament Ewropew, għat-talbiet iż-żgħar li jaffettwaw lil konsumaturi u negozji, ġew approvati llum b’maġġoranza.
L-MEP Comodini Cachia ssuġġeriet bidliet għall-proposti Ewropej biex il-proċeduri użati fit-talbiet iż-żgħar ikunu iktar faċli għaċ-ċittadini imma wkoll jagħtu iktar flessibilità lill-qrati biex jiddeċiedu meta kawża tinstema’ fil-qorti.
Ir-rapport leġiżlattiv, li dwaru kien hemm qbil fil-Parlament Ewropew illum, jagħmilha iktar faċli għall-konsumaturi u għan-negozji żgħar meta jkunu qed ifittxu ġustizzja b’rabta ma’ lmenti li jolqtu lil pajjiżi membri differenti.
Jgħolli l-limiti ta’ valur fil-flus li dwaru jkun qed isir ilment, biex hekk iktar kawżi jkunu jistgħu jinstemgħu mit-tribunal tat-talbiet iż-żgħar u jonqos iż-żmien tal-każ. Jipproponi li jkun hemm iktar informazzjoni għall-konsumaturi u għan-negozji dwar il-proċeduri u li jintużaw sistemi bħal “video-conferencing” biex jonqsu spejjeż marbuta ma’ vvjaġġar għall-partijiet minn pajjiżi differenti.
Therese Comodini Cachia, f’reazzjoni, qalet li waħda mill-għanijiet prinċipali tal-inizjattiva hu li l-ġustizzja tkun iktar aċċessibbli għall-konsumaturi u għas-sidien tan-negozji ż-żgħar, li hekk ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom b’mod iktar faċli u mgħaġġel.
Comodini Cachia ppropniet li jkun hemm distinzjoni bejn il-massimu fil-valur tat-talba b’rabta ma’ lment għal każijiet li jinvolvu individwi, u kumpaniji. Fil-fatt, il-massimu fil-valur għal ilmenti kontra individwi issa se jkun ta’ €5,000 waqt li dak fil-konfront ta’ kumpaniji, ta’ €10,000.
L-MEP Maltija tat l-appoġġ tagħha wkoll għall-proposta li l-ispiża legali nvoluta fil-proċedura tinżel mill-proposta oriġinali ta’ 10% tal-valur tat-talba għal massimu ta’ 5%.
Therese Comodini Cachia hi membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali.
//= $special ?>