“Inkomplu” hi t-tema magħżula mill-għaqda tal-istudenti SDM, hekk kif illum kien imniedi l-Programm Elettorali 2015/16 għall-Kunsill Studenti Universitarji (KSU). Waqt it-tnedija fil-Kampus tal-Università, il-President tal-SDM Luke Muscat qal li l-SDM trid tkompli fuq il-ħidma li wettqet matul is-snin li għaddew. Qal li l-SDM se tkompli taħdem fuq il-kuntatt mal-istudenti biex l-għaqda tkun aktar relevanti għal kull student Universitarju.
Becky Micallef, li qed tikkontesta għall-kariga ta’ President, fl-intervent tagħha elenkat uħud mill-ħafna proposti li l-SDM qed tippreżenta għall-istudenti. Fost id-99 proposta, wieħed jista’ jsib bosta proposti li jolqtu lill-istudenti kollha. Micallef qalet li, fost l-oħrajn, l-SDM se tħeġġeġ lill-Gvern jintroduċi sistema pubblika tal-kiri ta’ roti, filwaqt li se tkompli taħdem fuq ir-riżultati tal-WiFi Audit biex ikun assigurat li kull student ikollu aċċess kontinwu għall-WiFi. L-SDM fil-KSU se tkun qed tipprovdi rati irħas tal-lezzjonijiet tal-mutur biex titnaqqas il-konġestjoni tal-karozzi preżenti fuq il-Kampus.
Il-kandidata tal-SDM għall-President qalet li l-SDM fil-KSU se tkompli torganizza numru ta’ sezzjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-Fond imniedi biex jiżdied l-għarfien ta’ opportunatijiet, filwaqt li se tkompli tinvesti b’mod dirett f’aktar minn €50,000 f’Fondi. Qalet li l-SDM fil-KSU se tikkallobora ma’ għaqdiet studenteski interessati fil-“KSU Arts Festival” ħalli dan ikompli jikber. Barra minhekk, l-SDM fil-KSU se taħdem ukoll mal-istudenti interessati biex jiġu żviluppati numru ta’ Charging Stations li jaħdmu b’enerġija ġġenerata mix-xemx.
Fil-Programm Elettorali tagħha, l-SDM qed twiegħed li fil-KSU tkompli fuq il-ħidma li diġà wettqet fi snin preċidenti ħalli jiġu sostnuti t-tim tal-futsal u dawk tal-għawm. Barra minhekk, se taħdem ukoll mal-MUSC biex tinħoloq Akkademja Sportiva li tinkorpora fiha t-tim tal-futsal, tim ġdid tar-rugby u anke tim ġdid tal-futbol tan-nisa.
Agħfas hawn biex tidħol fis-sit uffiċjali tal-SDM u tara l-manifest elettorali.
//= $special ?>