L-ammont ta’ alkoħol fid-demm ta’ Terrence Tanti, is-sewwieq involut fl-inċident fatali tal-Ewwel tas-Sena f’Għawdex, kien jaqbeż il-limitu legali.
Dan ħareġ fil-Qorti dalgħodu hekk kif l-espert tal-Qorti, Michael Refalo, spjega li f’demm Tanti kien hemm 115mg għal kull deċilitru waqt li l-limitu legali hu ta’ 80mg. L-espert tal-Qorti appuntat biex jieħu t-testijiet tad-demm qal li t-test sar fit-7.45am, erba’ sigħat wara l-inċident li fih tilef ħajtu Matthew Meilak ta’ 22 sena.
Tanti, ukoll ta’ 22 sena, qed jiġi akkużat bil-qtil involontarju tal-ħabib tiegħu. L-inċident seħħ fi Triq ir-Rabat, Nadur, għall-ħabta tal-3.45am fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Xħajma. Iż-żgħażagħ kienu sejrin lura fil-post li krew f’Għawdex għall-aħħar tas-sena, wara li kienu attendew party privat f’farmhouse. Il-karozza, misjuqa minn Tanti, kienet daħlet f’ħajt hi u sejra fid-direzzjoni tar-Rabat, Għawdex.
Espert ieħor tal-Qorti, Bridgette Ellul, li għamlet l-awtopsja fuq iż-żagħżugħ, qalet li Meilak kellu daqqa kbira f’rasu, l-iskutella tar-ras miksura u l-arterja prinċipali mċarrta.
Skont it-tabib Coronato Grech mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, hu akkumpanja l-ambulanza fuq il-post tal-inċident. Hemmhekk sab karozza “mfarrka” u katavru qrib il-karozza. Il-vittma, li kellha ġrieħi serji fir-ras, ġiet iċċertifikata mejta fil-post.
L-espert Michael Refalo, li wkoll jaħdem fl-istess sptar, qal li Tanti ma ġarrab ebda ġrieħi imma sieħbu, Miguel Camilleri li wkoll kien passiġġier fil-karozza, kellu ksur f’idu l-leminija, ksur fil-pelvi u f’għadma fin-naħa t’isfel ta’ dahru, ksur ieħor fil-kustilji, arja madwar il-pulmun u kontużjonijiet fil-pulmun, u tiċrita fil-bużżieqa tal-pipì.
Fil-Qorti wkoll illum, Jacqueline Busuttil mit-taqsima tal-finanzi tal-Enemalta, qalet li l-ħsara lill-arblu tad-dawl mal-impatt tal-karozza kienet ta’ taħt l-€1,200.
Il-fotografu Max Xuereb, maħtur ukoll bħala espert tal-Qorti, qal li meta wasal fil-post biex jieħu r-ritratti tax-xena, għall-ħabta tal-3.55am, ma kinitx ix-xita imma bdiet nieżla x-xita ftit wara.
L-avukat tad-Difiża Joe Giglio talab lill-Qorti biex jibdlu l-kundizzjonijiet tal-klijent tiegħu għax għadu ma jistax jitkellem ma’ sħabu li huma wkoll sħabu fl-Università.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli, li qed tisma’ l-każ, qalet li se tiddeċiedi dwar dan iktar tard. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Frank Tabone. Il-każ ikompli x-xahar id-dieħel.
//= $special ?>