Internazzjonali

It-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysian Airlines se tkompli għal sena oħra

L-Awtoritajiet qablu li jkomplu bit-tfittxija ta’ taħt il-baħar għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li, f’Marzu tal-2014, għeb, b’239 passiġġier abbord, waqt vjaġġ minn Kuala Lumpur lejn il-kapitali Ċiniża Beijing.
Intant, l-impenji tat-tfittxija għandhom jirduppjaw minn dawk preżenti jekk kemm il-darba l-ajruplan, tat-tip Boeing 777, ma jinstabx ‘fi kwistjoni ta’ ġimgħat’, bit-tfittxija attwali qed tkompli fiz-zona speċifika tal-Oċean Indjan.
Ministri tal-Malasja, l-Awstralja u ċ-Ċina qalu li huma determinati li ‘jġibu ftit tal-paċi’ lill-qraba tal-passiġġieri li kienu qabdu t-Titjira MH370 għal Beijing. Għaldaqstant huma qablu biex ‘il-missjoni’ titkompla f’zona ġdida tal-oċean li tkopri 23,000 mili kwadri.
Almenu erbgħa vapuri qed ifittxu għal traċċi tal-ajruplan f’zona oħra tal-oċean; bit-tfittxija, sallum, tkopri madwar 60 fil-mija ta’ din iz-zona, bl-awtoritajiet għandhom jikkonkludu din il-ħidma f’Mejju. It-tfittxija diġa swiet ‘il fuq mill-ekwivalenti ta’ 60 miljun lira Sterlina u kienet, fil-parti kbira, iffinanzjata mill-Malasja u l-Awstralja.
Intant, l-awtoritajiet inkarigati mit-tfittxija qalu, fi stqarrija, li f’każ li l-Boeing mitluf ma jinstabx fis-search area attwali, il-Ministri qablu biex jestendu t-tfittxija b’60,000 kilometri kwadri addizzjonali, fl-impenn biex ikopru l-akbar zona tal-oċean possibbli.