Internazzjonali

Jegħrqu aktar immigranti fil-Mediterran

Rapporti li għadhom kemm daħlu qalu li ‘l fuq minn 40 immigrant għerqu fl-ibħra bejn il-Libja u l-Italja wara inċident ieħor li kien jinvolvi dgħajsa pakkjata bl-immigranti.

Il-qawwiet tal-baħar Taljani irnexxielhom isalvaw almenu erba’ persuni wara l-għarqa tad-dgħajsa. Dan meta fil-jiem riċenti kienu salvati mal-10,000 immigrant li sabu ruħhom f’diffikulta wara li ppruvaw jaqsmu l-Mediterran b’numru ta’ dgħajjes.

Rapporti oħra, sadanittant, irreferew għal inċident separat fejn il-Pulizija Taljana arrestat mal-15 il-immigrant Musulman li allegatament kienu waddbu l-immigranti Insara minn dgħajsa għal ġol-baħar.

L-inċident seħħ waqt vjaġġ riċenti lejn l-Italja u fejn mifhum li l-Insara li twaddbu l-baħar mietu kollha mgħarrqin. Qed jingħad li l-vittmi inkwistjoni kienu ġejjin mill-inħawi tal-Ghana u n-Niġerja.

L-Italja, bħalissa, qed issejjaħ għal aktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tikkonfronta l-kriżi kontinwa tal-immigranti.