Internazzjonali

Kontrolli għat-turisti f’suq ta’ Barċellona

L-awtoritajiet ta’ Barċellona għandhom iwaqqfu lill-gruppi kbar tat-turisti milli jżuru s-suq famuż ta’ La Boqueria. Dan bħala tentattiv biex jindirizzaw l-iffullar żejjed f’din il-belt prinċipali tal-Katalani.

Filwaqt li l-La Boqueria magħrufa bħala ikonu tal-Katalani ( u fejn kuljum tattira l-mijiet tat-turisti), l-awtoritjiet iddeċidew li jieħdu l-passi konkreti bl-iskop li ‘jevitaw it-tensjoni bejn dawn it-turisti u n-nies tal-lokalita’. Intant ġie deċiż li l-gruppi ta’ mhux aktar minn ħmistax il-turist jistgħu jidħlu fis-suq fl-aktar ħinijiet meta l-kumpless ikun frekwentat.

L-attivita f’La Boqueria tkun l-aktar frenetika nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt filgħodu. Intant, is-sidien tal-bottegini fil-lokalita kienu ilmentaw mal-uffiċjali ta’ Barċellona li ż-żieda fl-ammonti tat-turisti kienet qed iżżid ‘mal-kaos u l-iffullar’ fil-kwartier, qrib La Rambla.

Għalkemm La Boqueria għandha tibqa’ bħala attrazzjoni ewlenija għat-turist, l-ammonti tal-barranin, minn issa ‘l quddiem, se jkun suġġett għall-moniteraġġ.

Il-perijodu bejn it-8am u t-3pm, matul il-Ġimgħa u s-Sibt, hu ż-żmien indikat għal meta r-residenti taz-zona joħorġu jagħmlu x-xirja tal-ġimgħa. Għaldaqstant, mifhum li (waqt dawn il-ħinijiet) il-gwardjani tas-sigurta se jkunu fl-inħawi biex jeskortaw il-gruppi kbar tat-turisti ‘il hinn miz-zona speċifika.