Internazzjonali

Tista’ teqred ajruplan permezz tal-WiFi

Rapport tal-Gvern Amerikan qal li terrorista kapaċi juża s-sistema ta’ WiFi fuq l-ajruplan biex iwassal għall-qerda tiegħu.

Dan meta l-aċċess għall-Internet sar servizz ‘inklussiv’ waqt ħafna titjiriet kummerċjali u fejn hu possibbli biex il-hackers jinfiltraw il-flight systems b’mod fejn jistgħu jieħdu f’idejhom il-kontroll tal-ajruplan.

L-iskoperta tal-Government Accountability Office (GAO) fl-Istati Uniti tqajjem diversi xenarji tal-waħx (potenzjali) għall-passiġġieri. Madankollu r-rapport ma jissuġġerix li għandu jkun faċli għal hacker li jikkaġuna t-tiġrif tal-ajruplan. Ir-rapport, intant, lanqas ma jistabbilixxi l-element tal-probabbilta ‘preċiża’ f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Madankollu, ir-rapport ma jeskludix li l-aggressuri potenzjali jistgħu, ‘il quddiem, jisfruttaw ‘elementi ta’ vulnerabbilta fis-sistema’. Dan meta l-linji tal-ajru u l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Federali (FAA) qed jippruvaw jimmodernizzaw l-ajruplani u l-flight tracking bit-teknoloġija tal-Internet.

Min-naħa tiegħu, Peter DeFazio, rappreżentant Demokratiku tal-Kungress Amerikan u li jifforma parti mill-House Transportation and Infrastructure Committee, irrefera għall-‘agħar sitwazzjoni’, fejn terrorista bil-laptop jista’ jaqbad titjira u jassumi l-kontroll tal-ajruplan bis-sistema tal-WiFi ipprovduta lill-passiġġieri. Kien l-istess De Fazio li talab għall-investigazzjoni speċifika u meta hu qed iħeġġeġ biex l-FAA tieħu passi malajr ‘biex tirranġa l-problema’.