Serb ta’ 50 sena weġġa’ lbieraħ filgħaxija meta pprova jirreżisti ħalliel, b’wiċċu mgħammad u b’sikkina, li pprova jidħol fil-blokk t’appartamenti fejn jgħix f’Tas-Sliema.
L-inċident, l-ewwel wieħed minn tlieta fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u s-Swieqi lbieraħ filgħaxija, seħħ għall-ħabta tat-8.00pm fi Triq L. Graham. Il-vittma, li kien dieħel fl-appartament fejn jgħix, niżel jiftaħ il-bieb tal-partijiet komuni tal-blokk meta sema’ lil xi ħadd iħabbat fuq il-bieb.
Dak il-ħin, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-aggressur tiegħu li talbu l-flus u heddu b’sikkina. Iż-żewġt irġiel spiċċaw fl-idejn meta l-ħalliel laqat lill-vittma u ħarab mill-post.
Ftit minuti wara, il-Pulizija ta’ Tas-Sliema ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa fuq anzjana ta’ 73 sena, fi Triq San Ġwann Bosco, meta raġel, deskritt bl-istess mod, aggredixxa anzjana li ħadilha xi flus kontanti. Il-mara ppruvat tirreżistih imma b’xorti tajba ma ġarrbet ebda ġrieħi.
Għall-ħabta tad-9.15pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa oħra fuq mara ta’ 55 sena fis-Swieqi, li tteħdulha l-oġġetti personali tagħha. Anke f’dan il-każ, il-vittma ma ġarrbet ebda ġrieħi.
Il-Pulizija qed tinvestiga t-tliet każijiet.
//= $special ?>