Internazzjonali

Temi mhux tas-soltu għall-GCSEs

Proposti għall-GCSEs fl-Ingilterra qed jissuġġerixxu li minflok it-temi tas-soltu, studenti jiġu mitluba jiddiskutu temi iktar moderni li jistgħu jappellaw iktar liż-żgħażagħ.

Għalhekk, għall-eżamijiet tal-lingwi Ewropej bħall-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol, qed jiġu suġġeriti li l-istudenti jiġu mistoqsija jesprimu l-ideat tagħhom dwar tatus, festivals mużikali jew tal-films, u l-esperjenzi ta’ volontarjat barra mill-pajjiż.

Il-proposti ġodda ta’ Michael Gove, ikkritikat mill-Università ta’ Cambridge, jaraw it-tneħħija ta’ suġġetti bħall-“basket tiegħi” jew “il-ġurnata tiegħi fl-iskola” u minflok idaħħlu temi li huma iktar rilevanti għaż-żgħażagħ illum, fosthom b’rabta mat-teknoloġija.

Il-proposti għall-eżamijiet tal-Ġermaniż jinkludu, fost l-oħrajn, kritika tal-film “Run Lola Run” waqt li għall-eżamijiet tal-Ispanjol qed jiġi ssuġġerit li jittrattaw “tweets” dwar il-Logħob Olimpiku.

Qed jiġi suġġerit ukoll li l-istudenti jisimgħu r-radju u mużika rap fil-lingwa li jkunu qed jistudjaw, li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar parks tematiċi, li jiddiskutu l-użu tat-teknoloġija fosthom it-teħid ta’ ritratti, il-logħob u l-filmati fuq You Tube, jiktbu dwar episodji tad-daħq f’attivitajiet ta’ karità fl-iskola u jitkellmu dwar x’jagħmel ħabib tajjeb.

Bidliet oħra jinkludu applikazzjoni li tgħin lill-istudent jitgħallem kliem ġodda, waqt li jonqos il-piż fuq xogħol tal-kors u iktar importanza lill-eżamijiet.

Is-suġġerimenti saru minn OCR, li hu wieħed mill-bordijiet l-iktar importanti tal-Ingilterra fejn jidħlu l-eżamijiet imma għadhom iridu jiġu approvati mir-regolatur tal-eżamijiet.

Skont OCR, dan qed isir biex l-istudenti jitrattaw suġġetti li jkunu iktar rilevanti għalihom, jitlaq mill-kunċett ta’ tagħlim ta’ suġġett partikolari, u jqiegħed lix-xjenza u s-sbuħija ta’ lingwa fiċ-ċentru tat-tagħlim ta’ kliem ġdid.