Raġel Pollakk bi storja twila ta’ vjolenza, ammetta li kien ħataf u qatel tifla ta’ disa’ snin, fil-belt ta’ Calais, wara li hi kienet ‘sparatlu b’pistola tal-ilma’.
L-omiċidju bla sens tat-tifla – li jisimha Chloe – ixxokkja lill-pajjiż kollu u hu mifhum li l-Pollakk ta’ 38 sena ammetta l-ħtija dritt wara l-arrest tiegħu mill-pulizija.
It-tifla nstabet mgħallqa qalb il-foresta nhar l-Erbgħa u spiċċat ukoll stuprata mill-aggressur tagħha, li kien għamel żmien il-ħabs fi Franza u l-Polonja.
Intant, eluf ta’ nies, fosthom omm it-tifla, ħadu sehem f’marċ u dimostrazzjoni emozzjonali b’tifkira għall-vittma ċkejkna.
Hu mifhum li fl-aħħar minuti ta’ ħajjitha, Chloe kienet qed tilgħab ma’ ħabibtha qrib id-dar tagħha u f’ħin minnhom avviċinat lill-Pollakk u sparatlu b’pistola tal-ilma. L-omm, li kienet tbiegħdet mill-inħawi għal ftit minuti, irritornat u rat lir-raġel qed jisforza lil bintha fil-karozza tiegħu qabel saq lil hinn mill-post.
Il-katavru ta’ Chloe nstab fil-foresta anqas minn sagħtejn wara, u l-aggressur tagħha, li kien qed ibati mill-effetti tax-xorb, instab viċin ix-xena tad-delitt.