Internazzjonali

‘Il-Ġermanja tiflaħ tieħu aktar refuġjati’

Il-Kap tal-Partit CDU fil-Bundestag (Parlament) tal-Ġermanja qal li pajjiżu ‘jista’ jieħu aktar refuġjati’ minbarra li ‘jmissu jidħol għal din ir-responsabbilta’.

Volker Kauder qal hekk waqt intervista mal-ġurnal ‘Bild’ u sostna li pajjiżu jeħtieġ ikattar dan l-impenn uman ‘għaliex jiflaħ jieħu ammont akbar ta’ refuġjati’.

Is-CDU hu l-partit tal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u Kauder semma l-eżempju tal-Kurdistan ‘fejn ħames miljun abitanti qed jgħixu spalla ma’ spalla ma xi miljun refuġjat’. Volker Kauder fakkar ukoll li l-Gvern federali tiegħu, fl-aħħar xhur, kien alloka biljun ewro addizzjonali bħala għajnuna lill-Istati u l-muniċipalitajiet biex jieħdu ħsieb l-ammonti kbar tar-refuġjati li qed jaslu l-Ġermanja.

Intant, il-Kap tas-CDU insista li kulħadd għandu jgħin fit-tkattir tal-impenn umanitarju ‘bl-Istati tal-Ġermanja jridu jżidu l-isforzi tagħhom jekk iridu li jingħataw aktar riżorsi’. Fl-istess ħin, Kauder jemmen li l-awtoritajiet lokali għandhom jiddeportaw aktar immigranti li jkun fallielhom l-impenn għall-kenn politiku