Il-qawwiet tal-baħar Taljani qalu li ħadu lura l-kontroll ta’ dgħajsa tas-sajd ta’ sidien Sqallin li kienet inħatfet minn grupp ta’ rġiel armati ‘l hinn mill-kosta tal-Libja.
L-azzjoni biex jikrupraw id-dgħajsa tmexxiet mill-militar li qed jaħdmu f’dik iz-zona u li huma impenjati biex isalvaw lill-immigranti. L-istqarrija, intant, ma qalitx jekk il-militar Taljan daħalx f’konfront mal-irġiel armati iżda l-kelliema għal kooperattiva fi Sqallija aktar tard ikkonfermaw li ‘l-ekwipaġġ tad-dgħajsa ( magħmul minn seba’) kien fi triqtu lura lejn il-port’.
L-ekwipaġġ kien jinkludi tliet Taljani u erba’ Tuneżini li huma residenti fl-Italja
Ir-rapporti jindikaw li l-irġiel armati li ħatfu d-dgħajsa x’aktarx kienu ‘qawwiet tas-sigurta Libjani’ li kienu qed jivvjaġġaw b’tug boat, xi 50 mil nawtiku lejn il-Majjistral tal-port ( Libjan) ta’ Misurata.
Il-kooperattiva tas-sajd fi Sqallija sostniet li dgħajjes tas-sajd oħra fil-viċinanzi kienu rrappurtaw il-ħtif tal-vapur lill-awtoritajiet tal-port.
Sadanittant, lanqas m’hu ċar jekk kenux sparati t-tiri waqt id-drama, bl-awtoritajiet isostnu li ma daħlu l-ebda rapporti dwar xi midruba. Madankollu, is-sitwazzjoni tas-sigurta imwiegħra tal-Libja xprunat tħassib kbir dwar id-destin tas-sajjieda u qabel seħħet ‘dik il-missjoni tas-salvataġġ’.
Inċident fuq lanċa tas-sajd Taljana barra l-Libja
