Internazzjonali

iPad li kellu l-Papa jinbiegħ għal $30,500

Kelliema għall-irkantaturi fl-Urugwaj ikkonfermaw li iPad li sa ftit ilu kien il-proprjeta tal-Papa Franġisku inbiegħ, waqt irkant, għas-somma ta’ $30,500.

Il-kelliema għad-Dar (tal-Irkantaturi) ta’ Castells, f’Montevideo, qalu li l-offerta finali kienet daħlitilhom bit-telefon u wara li l-iPad inkwistjoni kien ingħata pubbliċita kbira mill-istampa lokali.

Kien proprju s-sena l-oħra li l-Papa Franġisku ippreżenta l-iPad — komplut bis-siġill tal-Papa u ċ-ċertifikat ta’ awtentiċita mill-Vatikan — lil qassis Urugwen bħala rigal. Maż-żmien, il-qassis kien għamel donazzjoni tal-iPad lil skola lokali, bl-iPad, imbagħad, jittella fost l-oġġetti għall-irkant bl-iskop li jiġġenera l-flus għal din l-iskola.