Uffiċjali fl-Iraq qalu li nqatel il-kap tal-militanti Iraqqin, Izzat Ibrahim al-Douri, li snin ilu kien id-deputat tal-eks-dittatur Iraqi, Saddam Hussein.
Al-Douri kien ilu żmien jiżgiċċa lill-qawwiet tal-Iraq u r-rapporti qalu li hu inqatel waqt ġlied bejn il-militanti u s-suldati tal-Gvern fil-provinċja ta’ Salahuddin, lejn it-Tramuntana ta’ Baghdad.
Izzat Ibrahim al-Douri, li kellu 72 sena, kien imexxi l-militanti tal-grupp Naqshbandi; wieħed mill-movimenti estremisti ewlenin li xprunaw l-entita ġiħadista ISIS.
Al-Douri kien anki meqjus bħala l-aktar uffiċjal importanti tal-Partit Baath (ta’ Saddam) li rnexxielu jevita kull tentattiv biex jinqabad ladarba kkrolla r-reġim antik f’Baghdad. Dan waqt li baqgħet valida għal snin l-offerta kbira ta’ flus għall-informazzjoni li setgħet twassal għall-priġunerija tal-istess Al-Douri.
Saddam Hussein tqaċċat mill-poter meta l-qawwiet multinazzjonali taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienu invadew lill-Iraq, fl-2003. L-eks-dittatur kien ingħata l-piena tal-mewt proprju tliet snin wara l-invażjoni.
Waqt li, fil-passat, kienu ħarġu diversi rapporti li rreferew għall-‘qtil jew il-priġunerija ta’ Al-Douri’, jidher li r-rapport attwali hu l-aktar wieħed kredibbli.
Mifhum li s-suldati tal-Gvern Iraqi u l-milizzji Xiti alleati qatlu lil Al-Douri waqt missjoni militari lejn il-lvant ta’ Tikrit; belt ewlenija li mill-ġdid tinsab taħt il-kontroll tal-qawwiet Iraqqin.
Dan meta fl-aħħar xhur, il-qawwiet Iraqqin ħatfu lura zoni kbar tal-Iraq lill-ISIS — bil-ġiħadistsi għadhom qed jikkontrollaw diversi reġjuni fit-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq li jinkludu l-belt ta’ Mosul.
//= $special ?>