Il-Ministru tal-Finanzi Grieg Yanis Varoufakis irrikonoxxa li pajjiżu hu kważi xott mill-fondi u qed jiffaċċja sitwazzjoni ddisprata. Sadanittant, Varoufakis akkuża lill-kredituri tal-Ewropa li qed jippruvaw iniżżlu lill-Greċja għarkupptejha billi joħonqulha l-finanzi.
Meta Varoufakis indirizza laqgħa fi Brookings Institution ta’ Washington hu ammetta li l-finanz) ta’ pajjiżu qed tonqos. Hu, fl-istess ħin, irrefera għall-entitajiet involuti f’kumplott biex il-Gvern Grieg immexxi mill-Partit Syriza jitlef ir-rilevanza tiegħu, filwaqt li wissa li dan l-aġir jista’ jħalli effetti katastrofiċi.
“Li toqgħod tilgħab mal-Greċja jmur kontra l-kunċett tal-Ewropa u kull min jgħid li jaf x’jista’ jsir jekk il-pajjiż jispiċċa miz-zona ewro, ikun qed jidħak bih innifsu,” saħaq Varoufakis.
Christine Lagarde, il-Kap tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), qalet li l-Fond tagħha qed jinkwieta dwar ‘is-sitwazzjoni tal-likwidità fil-Greċja, iżda għamlitha ċara wkoll li l-istituzzjoni tagħha mhix se ċċedi fil-konfront ta’ dan il-pajjiż fil-kwistjoni tal-ħlas lura tad-djun, ekwivalenti għal biljun ewro, u li huma dovuti fil-bidu ta’ Mejju.