Lokali

Dalgħodu beda l-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali

Minn kmieni dalgħodu, għajnejn kulħadd se jkunu fuq iċ-Ċentru tal-Għadd tal-voti fin-Naxxar hekk kif fis-6am se jibda l-proċess tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali li saru bħal-lum ġimgħa f’34 lokalità – 26 f’Malta u 8 f’Għawdex.

Filwaqt li l-għadd tal-voti tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa li sar fl-istess ġurnata ma’ dawn l-elezzjonijiet – nhar is-Sibt li għadda – sar l-għada l-Ħadd, fil-każ tal-elezzjonijiet lokali l-partiti politiċi laħqu qbil mal-Kummissjoni Elettorali li l-għadd tal-voti tal-Kunsilli jsir ġimgħa wara.
Fil-fatt dakinhar tal-votazzjoni tal-11 ta’ April malli għalqu l-postijiet tal-votazzjoni t-385 kaxxa minn madwar Malta u Għawdex ittieħdu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u ġew issiġillati fl-iStrong Room tal-kumpless biex l-għadd isir illum.
Dan il-proċess se jibda fis-6am u mistenni jieħu ftit sigħat mhux ħażin, anke minħabba li dan is-sett ta’ elezzjonijiet kien jinkludi numru ta’ lokalitajiet kbar, bħalma huma San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Qormi u San Ġiljan.
Il-Kummissjoni Elettorali qed tistma li l-proċess kollu jista’ jieħu sa għada f’nofsinhar biex jitlesta. Madankollu, l-ewwel indikazzjoni ċara tar-riżultat xorta tkun magħrufa llum stess – f’xi ħin illejla – hekk kif joħroġ l-ewwel count tal-lokalitajiet kollha u b’hekk ikun magħruf kemm ġabu l-partiti f’dawn l-elezzjonijiet fuq il-lokalitajiet kollha.
Fl-aħħar elezzjonijiet li saru f’dawn l-istess lokalitajiet, fl-2012, il-Partit Laburista kien rebaħ b’distakk ta’ 17,422 vot – ekwivalenti għal 16.6% – fuq il-Partit Nazzjonalista u kiseb maġġoranza f’19-il lokalità, bil-PN jirbaħ 14, u b’lokalità waħda, il-Furjana, fejn il-partiti ġabu siġġijiet indaqs.

Tliet snin ilu l-Partit Laburista kien ġab 57.3% tal-voti u l-PN 40.7%. L-Alternattiva Demokratika kienet kisbet 1.3% waqt li kandidati indipendenti li kkontestaw dawn l-elezzjonijiet ġabu bejniethom 0.7%. It-total ta’ 228 kunsillier eletti fl-2012 kienu tqassmu hekk: 128 f’isem il-PL, 98 f’isem il-PN, 1 tal-AD u 1 indipendenti.

Din id-darba b’kollox iridu jiġu eletti 224 kunsillier li huma 4 inqas minn tliet snin ilu. Dan minħabba li f’xi lokalitajiet kien hemm tibdil fil-popolazzjoni li wassal biex kif tgħid il-liġi n-numru ta’ kunsillieri li jiffurmaw il-Kunsill Lokali ta’ dik il-lokalità partikulari jiżdied jew jonqos skont iċ-ċirkostanza.

Il-lokalitajiet milquta huma l-Mosta li minħabba żieda fil-popolazzjoni l-Kunsill tagħha żdied minn 11 għal 13-il kunsillier; u l-Marsa, iż-Żurrieq u x-Xagħra, Għawdex, fejn minħabba li naqset il-popolazzjoni l-Kunsill ċkien b’2 kunsillieri f’kull każ – fil-Marsa u x-Xagħra minn 7 siġġijiet għal 5, u fiż-Żurrieq minn 11 għal 9.

It-turnout fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li l-voti tagħhom se jingħaddu llum, u li ħareġ tard nhar is-Sibt billejl, kien ta’ 67.6% li jfisser żieda ta’ 7.1% fuq kemm kienu ħarġu jivvutaw tliet snin ilu.

Dan juri b’mod ċar li r-referendum kellu effett u wassal biex ħarġu aktar nies jivvutaw anke għall-elezzjonijiet lokali, speċjalment fil-postijiet fejn l-elettorat ivvota sew dwar il-kaċċa kif ukoll biex jeleġġi l-Kunsill. Fil-fatt, meta tqabbel ma’ tliet snin ilu, issib li t-turnout għall-elezzjonijiet lokali żdied kullimkien ħlief f’żewġ lokalitajiet li huma l-Isla u San Lawrenz f’Għawdex, biż-żidiet f’parti kbira mil-lokalitajiet ikunu żidiet qawwija.

L-iktar turnout b’saħħtu kien reġistrat f’Ħad-Dingli bi ftit aktar minn 87% segwit minn Ħal Safi bi kważi 86% waqt li l-inqas li ħarġu jivvutaw kienu n-nies ta’ San Pawl il-Baħar b’turnout ta’ 39% segwiti minn dawk ta’ San Ġiljan b’40%, imbagħad fis-Swieqi bi 52%.

Tqabbil mal-aħħar elezzjonijiet juri li l-akbar żidiet fit-turnout kienu reġistrati f’Ħal Balzan bi 17%, Ħ’Attard u ż-Żebbuġ, Għawdex, b’żidiet ta’ 15%, in-Nadur f’Għawdex ukoll b’14%, Ħaż-Żebbuġ b’żieda fit-turnout ta’ 13% u Ħal Luqa u Ħal Għargħur bi 12%.

B’kollox l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda kienu kkontestati minn total ta’ 377 kandidat – 184 f’isem il-PN, 177 f’isem il-PL, 7 f’isem l-AD u 9 indipendenti jew f’isem xi għaqda. Minn dawn, kif għedna, iridu jiġu eletti 224.

NET Television illum se jkun qed ixandar programm speċjali li se jibda fis-7am b’kollegamenti mal-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u b’diskussjoni fl-istudio. Matul dan il-programm, li se jibqa’ għaddej sa xħin joħroġ ir-riżultat tal-ewwel għadd fil-lokalitajiet kollha, NET Television se jaġġorna lit-telespettaturi tiegħu b’mod dirett bir-riżultati kontinwi li jkunu ħerġin min-Naxxar.