It-tmexxija tal-Knisja f’Malta – jiġifieri l-ogħla rjus fil-Kurja Arċiveskovoli fil-Furjana – xejn ma niżlet tajjeb magħhom l-inizjattiva li ħa fil-jiem li għaddew, jiġifieri bħall-bieraħ ġimgħa, Patri Mark Montebello op meta bierek par ċrieket f’rabta ta’ għerusa bejn żewġt irġiel gay.
In-Nazzjon jista’ jiżvela li darba bdiet ħierġa l-informazzjoni fil-media soċjali u eventwalment fil-media miktuba dwar dak li ġara fil-Bajja tal-Balluta nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ April meta Patri Mark Montebello bierek ir-rabta f’għerusija bejn Nicholas u Edward, it-tmexxija tal-Kurja talbet u indagat biex l-ewwel tistabbilixxi kemm-il darba dak li kien qed jingħad kienx minnu u mbagħad biex ikunu stabbiliti lilha l-fatti ta’ dak li tassew kien għamel Patri Mark Montebello.
It-tmexxija tal-Knisja f’Malta fehmet li ma kien hemm l-ebda raġuni valida fil-bidu ta’ din it-tmexxija tad-Djoċesi Maltija wara l-ħatra ta’ Monsinjur Charles Scicluna bħala l-Arċisqof il-ġdid ta’ pajjiżna, biex Patri Mark Montebello jagħmel xi tip ta’ test jew sfida.
Għalkemm dell Patri Mark Montebello hu tqil b’diversi kwistjonijiet jaħarqu li kien involut fihom fis-snin li għaddew, xejn ma kien jispjega raġuni valida biex dan ipoġġi xi tip ta’ pressjoni jew għażla lit-tmexxija tal-Knisja f’Malta.
Allura x’wassal lil Patri Mark Montebello biex imur lil hinn minn dak li jippermettilu s-servizz tal-Ministeru tiegħu biex saħansitra ma jiddejjaq xejn li l-ewwel ibierek iċ-ċrieket lil koppja gay u saħansitra wara jippoża mal-istess koppja għal numru ta’ ritratti li eventwlament spiċċaw jitperrċu mal-erbat irjieħat ta’ pajjiżna?
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li hu fatt sagrosant li Patri Mark Montebello fil-ħidma kbira pastorali li jwettaq, jagħmel volum kbir ta’ xogħol qalb persuni LGBTI kif ukoll fost ħafna minoranzi. Il-valur tax-xogħol li hu jagħmel hu kbir ħafna u bosta drabi mingħajr daqq ta’ trombi u bla ma jistenna xejn lura. Jagħmel ħidmietu fil-kwiet u għaliex ġenwinament jemmen f’dak li jkun qiegħed jagħmel.
Imma dan kollu, żiedu jgħidulna l-istess sorsi fil-Kurja fil-Furjana, ma jiġġustifika assolutament xejn li persuna tmur lil hinn mill-parametri tagħha ta’ dak li jgħid ċar u tond il-qadi tal-Ministeru minnha fil-pastorali li tagħmel.
L-intenzjonijiet, tajba kemm huma tajba, iridu jkunu mfassla fil-qafas ta’ dak li tgħid u tipprietka d-duttrina tal-Knisja u ta’ dak li jippermetti l-qadi tal-Ministeru. Tkun fejn tkun u tkun ma’ min tkun.
L-eżempju li nġibilna mis-sors li tkellem magħna kien wieħed sempliċi ħafna. Jekk persuna tkun timmilita f’għaqda, f’soċjetà, f’federazzjoni jew f’xi assoċjazzjoni hi ta’ liema natura hi, allura din il-persuna trid l-ewwel tobdi r-regolamenti tal-istess entità u mbagħad tassigura li l-imġieba tagħha bl-ebda mod ma tkun tikkonflinġi mar-regoli li jorbtuha bħala membru fi ħdanha.
Is-sors fisser li darba dak li jkun jifhem tajjeb dan il-prinċipju ċar, allura kull kumment ieħor ikun żejjed!
Fid-dawl ta’ dan kollu, In-Nazzjon tkellem ukoll mas-sorsi tiegħu fi ħdan l-Ordni Dumnikana mmexxija mill-Provinċjal Frans Micallef op li meta ffaċċjat mill-media ħasad lil kulħadd bl-imġiba ta’ biża’ tiegħu meta fil-privat hu kien wera n-nuqqas serju ta’ qbil tiegħu ma’ dak li kien għamel Patri Mark Montebello fil-jiem ta’ qabel.
Is-sorsi tagħna fil-familja Dumnikana għamluha ċara ħafna li quddiem test bħal dan stennew aktar irġulija mill-Provinċjal tagħhom li flok ħareġ għonqu u ffaċċja l-verità, għażel li jaħrab u jinħeba biex ma jkunx jinkwadra f’din l-istorja kollha!
Kollox ma’ kollox f’dan ix-xenarju xi ftit ikkumplikat – hemm min iddeskriviha wkoll bħala kontroversja bla bżonn – persuni għorrief li jsegwu mill-qrib dak li tkun qed tagħmel il-Knisja f’pajjiżna apprezzaw din l-inizjattiva għaliex serviet ta’ diskussjoni matura ta’ kif għandha titmexxa ‘l quddiem ir-relazzjoni bejn l-istess Knisja u l-persuni LGBTI.
Il-mistoqsija ta’ dawn il-ħassieba għorrief hi sempliċi ħafna: Huma tassew membri fi ħdan il-Knisja dawk kollha li jaqgħu taħt l-umbrella tal-LGBTI? Jew komdu li l-Knisja titkellem b’passjoni dwarhom, iżda fis-sustanza tippreferi li toqgħod ‘at arms’ length’ minnhom?
Dak li għamel Patri Mark Montebello fil-jiem li għaddew issa hu arkivjat. Parti mill-istorja. Iżda serva biex attira l-attenzjoni ta’ ħafna u ħafna… u forsi fl-aħħar mill-aħħar din kienet ir-raġuni veritiera għall-inizjattiva tat-tberik tal-par ċrieket ta’ din il-koppja li lilha nwasslu kull awgurju.
//= $special ?>