Qattus li kien ilu mitluf għal ħames ġimgħat sħaħ fir-Renju Unit jinsab lura mill-ġdid mal-koppja anzjana li ilha tieħu ħsiebu għal snin. Iżda ħadd ma jista’ jsolvi l-misteru ta’ kif dan il-qattus, li jismu George, seta’ jimxi distanza ta’ 128 mil – li hu l-ekwivalenti ta’ vjaġġ minn Londra għal Birmingham.
Fil-fatt, ‘George’, li għandu 18 il-sena, kien għeb mid-dar tas-sidien tiegħu f’Llanrwst, f’Wales, u sakemm – kontra kull mistenni – seta’ jingħaqad mill-ġdid (wara nuqqas ta’ ħames ġimgħat) mal-koppja anzjana fl-inħawi ta’ Brighouse, f’Yorkshire.
Fil-fatt, Steven u Susan Davison ma setgħux jemmnu xortihom wara li binthom, Gemma Lemalle, rat ritratt tal-qattus fuq il-paġna ta’ Facebook bl-isem ‘Lost and Found’. Lemalle ma tilfitx iż-żmien biex tikkuntattja lill-mara, Julia Hill, li sabet lil ‘George’ qrib id-dar tagħha, u l-qattus, issa, jinsab ‘għall-mistrieħ’ mal-koppja Davison wara l-avventura inkredibbli tiegħu.
Gemma Lemalle qalet li ‘seħħ tassew miraklu’ waqt li rrakkuntat li missierha, Steven Davison, daqs xahar ilu kien saq lejn il-garaxx f’Llanrwst u meta ħareġ mill-vettura ‘ħaseb li kien ra qattus qed jiġri ‘l hinn mill-inħawi’. Davison ma tax wisq każ dak il-ħin, iżda meta rritorna d-dar, ‘George’ ma kien jidher imkien. Intant għaddew il-ġranet mill-għejbien tal-qattus, b’Davison u martu, maż-żmien, jikkonvinċu ruħhom li ma kellhomx jarawh aktar.
Iżda imbagħad seħħet is-sorpriża kbira, meta Lemalle u żewġha, Adam, sabu lil ‘George’ fuq Facebook u malajr ċemplu lill-koppja Davison biex jgħidulhom bl-aħbar.
Min-naħa tagħha, Susan Davison, li għandha 68 sena, qalet li hi u żewġha kienu rassenjati li ma kenux se jaraw aktar lil ‘George’ u bilkemm jistgħu jemmnu li jinsab lura magħhom. ‘Alla biss jaf kif il-qattus seta’ jivvjaġġa għal distanza hekk kbira u waqt li dejjem nafuh bħala annimal kurjuż din, bla dubju, tibqa’ l-aktar ħaġa inkredibbli li qatt għamel’, sostniet l-anzjana.
//= $special ?>