Lokali

Riżultat inkoraġġanti għal partit li qed jinfetaħ għall-poplu – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jilħaq il-mira tiegħu: naqqas id-distakk bejnu u bejn il-Partit Laburista bin-nofs. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, f’konferenza tal-aħbarijiet, b’reazzjoni għar-rizultat tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Simon Busuttil qal li r-riżultat jimla’ lil Partit Nazzjonalista b’kuraġġ, enerġija u motivazzjoni. Hu fakkar li l-Partit Nazzjonalista għamel snin b’distakk dejjem jikber, iżda din ix-xejra issa nbidlet u llum dan id-distakk beda jonqos.

Dan ir-riżultat, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, issorprenda lil ħafna nies u turi li l-Partit Nazzjonalista qed jirnexxielu jittejjeb b’mod sostanzjali.

Filwaqt li irringrazzja lil kull min afda fil-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil wiegħed li l-Partit se jkompli jinfetaħ għall-poplu Malti u Għawdxi.

Il-mira ewlenija hi li l-Partit Nazzjonalista jkompli jinbena bħala alternattiva kredibbli għal dan il-Gvern.