L-eks Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista Joseph Cuschieri wissa’ lill-Partit Laburista biex jieħu nota tat-tnaqqis fil-voti li l-Partit Laburista rreġistra fil-maġġoranza tal-lokalitajiet.
F’post fuq Facebook Cuschieri, li kien ċeda s-siġġu tiegħu fil-Parlament lil dak li llum hu l-Prim Ministru Joseph Muscat, appella biex jinfetħu l-widnejn għal dawk li l-Partit Laburista wiegħdhom ħafna imma baqgħu ma ġewx mismugħa.
Joseph Cuschieri kompla li l-Partit Laburista jrid jagħti l-attenzjoni meħtieġa lil dawk li ġew injorati mill-Gvern Laburista, filwaqt li għandom jiġu mrażżna dawk l-elementi jew individwi fil-Partit Laburista li l-poter telalhom għal rashom u bdew jaġixxu b’arroganza.
Filwaqt li qal li l-Partit Laburista għandu jibqa’ viċin in-nies, appella biex tieqaf l-attitudni ta’ partit li fl-aħħar snin infexx jattakka u jissottovaluta lill-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Simon Busuttil. “Nemmen li din qed isservi biss ta’ ħsara u mhux ta’ ġid,” kompla Cuschieri.
Joseph Cuschieri temm il-messaġġ tiegħu bżappell ċar: “Din hi l-kritika kostruttiva tiegħi wara r-riżultat tal-lum u nittama li min għandu jisma’, JISMA’ u JAĠIXXI!”
//= $special ?>