Il-grupp Human Rights Watch għadu preokkupat bl-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem li saru komuni fl-Ażerbajġan u qed iħeġġeġ għall-ħelsien immedjat ta’ Rasul Jafarov, attivist ewlieni favur id-drittijiet umani, u li għadu kemm kien ikkundannat għall-priġunerija f’dan il-pajjiż.
Intant, il-Human Rights Watch ikkritikat l-arrest u l-kundanna ta’ Jafarov bħala inizjattiva mill-Gvern tal-Prim Ministru Ilham Aliyev biex ‘jagħlaq ħalq il-kritiċi politiċi’ fl-Ażerbajġan. Bħala l-fundatur u l-mexxej tal-Human Rights Club, Jafarov kien qed jipprova jfassal lista komprensiva tal-Ażeri li spiċċaw arrestati bi skop politiku. Dan qabel hu stess kien spiċċa arrestat mill-pulizija, f’Awwissu li għadda.
Giorgi Gogia, riċerkatur mal-Human Rights Watch, tkellem dwar il-kundanna ta’ Jafarov u qal li hu ( Jafarov) jispikka fost l-akbar kritiċi tal-prosekuzzjonijiet xprunati minn skop politiku li saru fattur komuni ħafna fl-Ażerbajġan tallum. Gogia, intant, enfasizza li Jafarov ‘illum sar ukoll vittma tal-Istat Ażeri’.
L-akkużi kontra Jafarov ibbażaw, primarjament, fuq l-istatus ‘mhux irreġistrat’ tal-Human Rights Club filwaqt li jallegaw dwar ‘evażjoni tat-taxxa, abbuż ta’ poter, attivitajiet kummerċjali illegali u frodi’. Intant, il-qorti kkundannat lil Jafarov għal sitt snin ta’ priġunerija.
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet umani fl-Ażerbajġan ilha ż-żmien tqanqal il-kritika min-Nazzjonijiet Uniti u d-diversi gruppi li jiddefendu d-dinjita tal-bniedem.
//= $special ?>