Lokali

Joseph Muscat jitkellem dwar rebħa storika fl-istess mument li l-PL jitlef il-maġġoranza f’San Pawl il-Baħar

Rebħa storika għal Partit Laburista.

Hekk qed jibqa’ jiddeskrivi r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, fl-istess ħin li kien qed jitkellem dwar dan, il-Partit Laburista tilef il-maġġoranza li kellu fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Dan waqt attivita’ politika, organizzata mill-Partit Laburista bħala “ċelebrazzjoni”, il-Ħadd filgħodu fil-Marsa, f’atmosfera ta’ brijju. Dan waqt li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista qata’ d-distakk bin-nofs.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Gvern Lokali Owen Bonnici irringrazzja lil poplu Malti għal vot ta’ fiduċja fil-Gvern.

Ironikament dan kollu ntqal fl-istess waqt li l-Partit Laburista kien għadu kemm tilef il-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li daħal għal din l-elezzjoni “b’umilta’ kbira”.

Hu evita li jsemmi l-kummenti tal-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Joseph Cuschieri, li wara r-riżultat tal-Kunsilli, wissa lil Muscat biex ma jissotovalutax lil Simon Busuttil. Minflok, Joseph Muscat insista li l-Gvern tiegħu ħareġ b’rebħa, fost brijju tal-partitarji Laburisti.

Biss, meta ġie biex jitkellem dwar ir-riżultati li kiseb il-Partit Laburista fin-Nofsinhar ta’ Malta, fejn kien hemm tnaqqis sorprendenti fil-voti għal Partit Laburista, u żieda għal Partit Nazzjonalista, Joseph Muscat prova juri li dan seħħ minħabba li ċertu nies m’għadhomx kandidati tal-Partit Laburista, u anke minħabba l-proġett tal-powerstation tad-Delimara.

Wiegħed lil partitarji li l-Gvern Laburista se jkun qed ilesti l-proġett tal-powerstation kif wiegħed.

U dan xahar wara li l-powerstation suppost kellha tkun lesta u operabbli. Iżda s’issa għadha qas biss bdiet tinbena.

Lejn tmiem diskors mimli pawsi għall-applawsi, Joseph Muscat irringrazzja liż-żgħażagħ talli ħarġu jivvutaw, fost iktar briju.

U dan meta kien il-Gvern tiegħu stess li ħadem biex jippostponi dawn l-elezzjonijiet, u b’hekk jċahħadhom iċ-ċans li jivvutaw.