Knisja Lokali

L-Arċisqof japella sabiex il-gvernijiet Maltin iżommu x-xtut tagħna liberi biex nilqgħu lil kull min jinsab fil-bżonn

Bħal ma San Publju laqa’ lil San Pawl f’Malta, minkejja li kien priġunier fi triqtu lejn Ruma għas-sentenza tiegħu, hekk ukoll pajjiżna jrid jilqa’ lin-nies li huma fil-bżonn, mingħajr diskriminazzjoni.

Dan kien kliem l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna, waqt il-paniġierku tiegħu fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ San Publju, fil-Floriana.

Hu appella lil Gvernijiet Maltin biex iżommu x-xtut tagħna liberi biex nilqgħu lil kull min jinsab fil-bżonn, u nipprovdulhom dak kollu li għandhom bżonn wara l-vjaġġ twil tagħhom. Dan għandna nagħmluh fuq l-eżempju ta’ San Publju, u tal-Maltin, kif deskritta fil-Atti tal-Appostli.

Iktar tard, kemm l-Arċisqof u l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, f’riċeviment tal-festa fil-Każin tal-Banda Vilhena, komplew itennu dan il-messaġġ.

Fost oħrajn, il-President ta’ Malta qalet li m’għandniex naħsbu li dawn il-persuni jiġu hawn b’kapriċċ. Lanqas m’għandna nħarsu lejhom b’mod differenti minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom.