Lokali

AĠĠORNATA: Traġedja fil-Mediterran – Indikazzjonijiet li għerqu mijiet ta’ immigranti

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ vapuri Taljani, flimkien ma’ vapuri militari Maltin u vapuri kummerċjali oħra ħadu sehem f’missjoni ta’ salvataġġ intensiva qrib il-gżira Taljana ta’ Lampedusa fejn qed jaħsbu li għerqu l-mijiet tal-immigranti f’inċident li seħħ matul is-sigħat bikrin ta’ dalgħodu

Qed jingħad li f’dan l-inċident dgħajsa mgħobbija b’xi 700 immigrant irregolari inqalbet fil-Mediterran, ‘il hinn minn Lampedusa. Qed jingħad ukoll li l-inċident seħħ proprju fl-ibħra Libjani lejn in-Nofsinar ta’ din il-gżira Taljana.

Il-ħidma tal-aħħar sigħat fiz-zona kienet imfissra mill-media internazzjonali bħala waħda sinifikanti ħafna, fost indikazzjonijiet li salvaw mal-50 immigrant. Madankollu hemm ukoll l-indikazzjonijiet li l-mejtin f’dan l-aħħar inċident jistgħu jammontaw għal xi 650.

Carlotta Sami, kelliema għall-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, saħqet li t-traġedija hi fost l-akbar li qatt seħħew fil-Mediterran tul dawn l-aħħar snin .

Mifhum ukoll li filwaqt li l-missjoni tal-vapuri qed titwettaq fuq bażi ta’ search and rescue l-awtoritajiet marittimi, maż-żmien, se jkunu qed jaħdmu biss biex jirkupraw il-katavri mill-ibħra inkwistjoni. Skont ir-rapporti, mal-20 vapur u tliet helicopters kienu qed jgħinu fit-tfittxija għall-mejtin.

L-awtoritajiet li tkellmu dwar l-inċident sostnew li t-traġedja seħħet meta l-immigranti fuq id-dgħajsa taw is-salt biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ vapur merkantili li kien għaddej qribhom u fejn inqalbu għal ġol-baħar. Intant, l-immigranti li salvaw ittieħdu lejn Katanja, l-istess bħall-katavri li nstabu fiz-zona tal-inċident.

Dalgħodu kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien qiegħed jitkellem waqt attivita’ politika fil-Marsa, kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, li kien qiegħed jitkellem waqt attivita’ politika fis-Siġġiewi, irreferew għal din it-traġedja u sellmu lil vittmi.

Simon Busuttil ħeġġeġ lill-Gvern Malti sabiex jinsisti ħalli tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Unjoni Ewropea u fejn saħaq li l-Gvern se jsib l-appoġġ totali min-naħa tal-Oppożizzjoni.

Intant dwar din it-traġedja tkellem ukoll Papa Frangisku.

Anke l-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres ukoll rreaġixxa għall-aħbar ta’ dan l-inċident. Huwa esprima x-xokk tiegħu għal dan l-inċident li huwa maħsub li huwa l-akbar inċident tax-xorta tiegħu li qatt seħħ.

“Dan id-diżastru jikkonferma kemm huwa urġenti li terġa tidħol sistema effiċenti ta’ salvataġġ fil-baħar filwaqt li jiġu stabbiliti toroq kredibli u legali sabiex tintlaħaq l-Ewropa nkella ser ikomplu jmutu n-nies li jkunu qegħdin ifittxu s-sigurta” saħaq Guterres.

Guterres awgura li l-Unjoni Ewropea tiffaċja din l-isfida u tassumi rwol deċisiv sabiex ma’ jseħħux traġedji ta’ din ix-xorta fil-futur.